Lokali

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista strumentali biex ikollna istituzzjonijiet b’saħħithom

Illum fil-Parlament, l-Oppożizzjoni kompliet tagħti s-sehem kollu tagħha biex jiġi assigurat li istituzzjonijet importanti f’pajjiżna jissaħħu u jkunu qegħdin hemm biex iservu liċ-ċittadini u mhux ta’ paraventu għall-Gvern tal-ġurnata. 

Matul dawn l-aħħar snin minħabba l-mod abbużiv kif uża l-istituzzjonijiet il-Gvern Laburista, l-Oppożizzjoni ħarġet b’numru ta’ proposti kif jistgħu jissaħħu l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna fosthom dwar il-ħatra tal-President, il-ħatra tal-Prim Imħallef, il-ħatra ta’ imħallfin u maġistrati, l-Ombudsman, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.

Fi stqarrija, il-Kap tal-PN, Adrian Delia, irringrazzja lil Chris Said, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għar-Riforma Kostituzzjonali u lill-membri tal-PN fl-Isteering Committee dwar ir-Riforma Kostituzzjonali Tonio Borg u Amy Camilleri Zahra, u l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis.

Fost l-iktar importanti minn dawn il-proposti li llum l-Parlament addottat bħala parti mill-Kostituzzjoni hemm li:

  • Il-President tar-Repubblika jiġi maħtur bir-riżoluzzjoni ta mill-inqas żewġ terzi tal-Membri Parlamentari.
  • Il-membri tal-ġudikatura jibdew jinħatru minn kumitat tal-għażla, li jagħti l-ismijiet lill-President tar-Repubblika li jkun hu li jaħtar il-ġudikanti.
  • Il-Prim Imħallef jinħatar bir-riżoluzzjoni ta mill-inqas żewg terzi tal-Membri Parlamentari.
  • Jissaħħaħ l-Uffiċċju tal-Ombudsman, b’titsħiħ rikonoxxut fl-istess Kostituzzjoni.
  • Tissaħħaħ il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.
  • Il-mod kif jinħatar u jitneħħa l-Avukat Ġenerali. 

Wara li l-Venice Commission kellha talba mis-soċjeta’ ċivili u lestiet rapport dwar Malta iktar minn sena u nofs ilu, l-Oppożizzjoni żiedet l-insistenza tagħha biex isir it-tibdil neċessarju, liema tibdil kellu jassigura firxa iżjed wiesa’ tal-poter biex jiġu salvagwardjati aħjar id-drittijiet taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Biex iċ-ċittadin ma jibqax żgħir. 

L-Oppożizzjoni tat is-sehem sħiħ tagħha wkoll fl-Isteering Committee dwar ir-Riformi Kostituzzjonali ppresedut mill-President tar-Repubblika George Vella fejn poġġiet proposti li għall-bidu l-Gvern kien kontra tagħhom iżda bil-perseveranza u bl-insistenza tal-Oppożizzjoni llum dawn il-proposti se jsiru parti mill-Kostituzjoni tagħna. 

Adrian Delia saħaq li “Dak li seħħ illum bla dubju ta’ xejn hija rebħa għall-poplu Malti u Għawdxi kollu, li issa għandu istituzzjonijiet iktar b’saħħithom biex iħarsu l-interessi tiegħu.”

L-Oppożizzjoni għandha iktar proposti li se jiġu diskussi mal-Gvern iktar ‘il quddiem. Fost dawn kien hemm il-mod kif jinħatru ċ-Chairpersons tal-Kummissjoni Elettorali, tal-Awtorita’ tax-Xandir, tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u tal-Kummissjoni dwar l-Impjiegi.

Il-Kap tal-PN saħaq li l-Oppożizzjoni determinata li fix-xhur li ġejjin tkompli tinsisti biex anke dawn il-proposti li jsaħħu istituzzjonijiet oħra ta’ pajjiżna jiġu adottati bħala parti mil-liġijiet tagħna. “Kburin li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista wasslet ghal dan it-tragward mal-Gvern li huwa storiku għal pajjiżna,” temm jgħid Adrian Delia.