Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni tinsisti għal konsultazzjoni serja mal-kunsill responsabbli mis-settur tal-volontarjat

Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, li jirrapreżenta lill-Għaqdiet Volontarji, kiteb ittra sabiex iżomm li dawn tal-aħħar infurmati bl-aħħar sitwazzjonijiet li ser ikunu qed jolqtu direttament lis-settur tagħhom.

Il-Kunsill qal li b’dispjaċir jinnota li f’dawn l-aħħar ġimgħat seħħew sitwazzjonijiet repetuti fejn il-Kunsill ma kienx konsultat mill-Kummissarju tal-Volontarjat kif mitlub mill-Istrateġija Nazzjonali għal-Volontarjat iffirmata mal-Gvern u li jimpenja lill-entitajiet kollha pubbliċi.

Huma stqarru li din l-istrateġija tisħaq li għandu jkun hemm “opportunitajiet għal diskussjoni kontinwa bejn l-Organizzazzjonijiet volontarji u l-interessi tal-volontarjat u d-Dipartimenti tal-Gvern biex irawmu ftehim bikri u involviment fl-iżvilupp tal-politika” u li jkun hemm “arranġamenti ta’ konsultazzjoni li normalment jippermettu ħin adegwat għall- konsultazzjoni usa’ ma’ networks u utenti tas-servizz.”

Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat qal li dan in-nuqqas ta’ konsultazzjoni, jew nuqqas ta’ żmien adekwat għall-konsultazzjoni, seħħ kemm dwar ir-regolamenti li jindirizzaw ġbir pubbliku, it-taxxa, emendi lill-Att Dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji, kif ukoll dawk li jirrigwardaw iċ-‘charity shops’.

Huma tennew li fir-regolamenti dwar il-ġbir pubbliku u dawk li jirrigwardaw iċ-‘charity shops’ hemm bosta aspetti li ser jolqtu b’mod negattiv lis-settur tal-volontarjat, b’introduzzjoni ta’ ħlasijiet, proċeduri żejda kif ukoll regolamenti li l-istess entitajiet pubbliċi neħħew minn fuq operaturi oħra.

Fatt ieħor inkwetanti li ssemma f’din l-ittra huwa li l-proċeduri f’dawn ir-regolamenti jpoġġu numru ta’ obbligi u piżijiet godda fuq is-settur tal-volontarjat.

Huwa għalhekk li l-Kunsill kiteb din l-ittra, biex jinforma lill-Għaqdiet Volontarji illi f’isimhom qajjem l-oggezzjonijiet tiegħu fuq xi partijiet ta’ dawn ir-regolamenti li jitressqu għad-diskussjoni fil-Parlament sabiex jiddaħħlu fis-seħħ qabel ma ssir konsultazzjoni adekwata mas-settur tal-volontarjat filwaqt li l-Kunsill irriserva d-dritt li jieħu dawk il-passi adekwati sabiex iħares lill-istess settur tal-volontarjat.

Il-Kunsill tenna l-impenn tiegħu li jkompli jżomm lill-Għaqdiet Volontarji infurmati u aġġornati dwar x’ikun qed jiġri.

Intant, fl-aħħar sigħat, il-Whip tal-PN u Kelliem tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar ippropona li s-settur tal-volontarjat jingħata siġġu fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD). F’diskors fil-Parlament, Cutajar enfasizza li hemm madwar 40,000 persuna li joffru volontarjat u 5,000 persuna impjegati fis-settur tal-volontarjat.

Hu saħaq li “Hemm ħafna organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi permezz ta’ voluntiera.” Cutajar irringrazzja lil dawk kollha li joperaw fis-settur.

Il-Whip tal-grupp Parlamentari tal-PN appella lill-Gvern għal konsultazzjoni serja.

L-MCESD huwa kunsill konsultattiv li joħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet lill-gvern Malti dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza ekonomika u soċjali. Bħalissa huwa magħmul minn unions, organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, il-Bank Ċentrali u l-Ministeru tal-Finanzi.