Sport Sport Ieħor

Organizzata t-tieni edizzjoni tal-Open tal-Beach Volley f’Birżebbuġa

Fl-aħħar jiem il-Malta Volleyball Association organizzat it-tieni edizzjoni tal-Gatorade Beach Volleyball Open, liema edizzjoni saret fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa.

Tmien timijiet ipparteċipaw fit-tournament mixed bil-koppja Cheviron u Rabuazzo ħarġu rebbieħa mingħajr telfa. Fil-finali għelbu lill-koppja Lutkus (Latvja) u Lupi (Malta) 2-0 meta rebħu 25-23 fl-ewwel set u 25-14 fit-tieni set. Lupi flimkien ma’ Lutkus kienu għaddew għall-finali wara li għelbu lil Reynaud minn Franza u Sebok mill-Ungerija. Huma tilfu l-ewwel set 21-16 iżda rebħu t-tieni set 23-21 qabel kisbu post fil-finali bir-rebħ tat-tielet set 17-15.

Ir-rebbieħa tas-social tournament kienu t-tim magħmul minn Coris, Zammit u Galea li rebħu kull logħba 2-0. Cassar, Fenech, Micallef u Ellul rebħu l-midalja tal-fidda u t-tim magħmul miż-żgħażagħ Siscar, Neiminen, Nishida u Scicluna rebaħ il-midalja tal-bronż.