Lokali Qorti

Rakomandazzjoni biex jiskonta sentenza ta’ ħabs fi sptar għax saħħtu qed tiddeterjora

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza mill-Qorti tal-Maġistrati ta’ tliet snin u 10 xhur ħabs fuq każ ta’ serq iżda rrakkomandat biex Karkariż jiġi trasferit ġewwa sptar biex jieħu l-kura meħtieġa minħabba li saħħtu sejra lura.

Shone Agius ta’ 47 sena ilu jabbuża mid-droga minn mindu kellu 15-il sena u kellu diversi sentenzi fil-konfront tiegħu fuq serq biex ikun jista’ jissodisfa l-vizzju tad-droga.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha għamlet rakomandazzjoni taghha minħabba s-sahha debboli u fjakka ta’ Agius. Hija qalet li dan għandu jsir f’każ li d-Direttur tal-Ħabs kif kollox jindika jidhirlu li s-saħħa tiegħu qed tiddeterjora u dan fid-dawl tal-fatt li hemm possibiltà li jieħu xi nfezzjoni oħra, kif diġà esperjenza mill-habs. Għalhekk għandu jitrasferrrixxi lill Agius fi sptar għall-kura medika.

Il-problemi f’saħħtu jinkludu vini miżdudin, thrombosis, probemi bil-qalb u feriti li ma jfiqux. Fil-fatt huwa jimmedika l-feriti kuljum. Matul is-snin Agius għamel diversi programmi u kien daħal ukoll fil-Prison Inmate Programme, San Blas u kien anke f kuntatt mal-Caritas fil-passat.

Huwa instab ħati li f’ xi ħin bejn is-07.00am. u d-09.00am. fl-01 ta’ Frar tas-sena 2013, ikkommetta serq ta’ diversi oggetti minn residenza f’San Ġiljan. Il-Qorti kkunsidrat dak li għamlet l-ewwel Qorti fejn rat il-pre-sentencing report tal-Ufficcjal tal-Probabtion Marilyn Attard intitolat ‘Sahha u Vizzju’ u jidher li Agius għandu problema akuta ta’ dipendenza ta’ droga.

Tant li beda jabbuża mid-droga minn mindu kellu 15-il sena bl-użu tal-kannabis u wara spiċċa dipendenti fuq l-eroina. Riżulat ta’ dan il-vizzju misħut tilef ħafna affarijiet minn ħajtu fosthom flus, familja u fuq kollox saħħtu.

Jieħu d-droga biex inessi d-dwejjaq u minn eżami ta’ dan ir-rapport jirriżulta li jsibha ferm difficli jghix minghajr droga. Jidher li huwa persuna mistħija u mingħajr id-droga iħoss li hu speċi ta’ ħuta barra mill-ilma. Jidher li Shone Agius kien ilu f’kuntatt mat-tabib George Grech sa mis-sena 1993.

Kien għamel kuntatt ma’ xi ħadd mis-Sedqa fis-sena 2005 u għamel żewġ programmi ta’ rijabilitazzjoni mal-Caritas iżda wieħed minnhom gie terminat fit-18 ta’ Mejju, 2015.

L-Ufficcjal tal-Probabtion ikkonkludiet li l-ħati huwa bniedem ta’ waħdu u ma tantx għandu ħbieb u għakhekk xi kultant is-solitudini stess tresqu lejn l-abbuż ta’ droga.

Minn dak li stqaret l-uffiċċjal dwar intervista li kellha mat-tabib George Grech fir-rigward ta’ Agius, jidher li fiż-żmien meta kien qed isir ir-rapport huwa kien jattendi id-Detox u jieħu kura tal-methadone.

Minkejja li kellu dozż qawwija ta’ 80cc methadone ma kienx qed juri sinjali ta’ progress minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni. Riċentement kien wera x-xewqa li jibda programm residenzjali, pero t-tabib Grech qal li l-ewwel pass kellu jkun sabiex jieqaf mit-teħid ta’ droga kompletament u jistabilizza l-methadone.

Irrimarka li Agius kien ħa ħafna għajnuna fil-passat u dejjem baqa’ jippersisti bl-użu tad-droga. L-uffiċċjal tal-Probabtion qalet fl-ewwel Qorti fil-21 ta’ Ottubru, 2016, li f’dawk iż-żminijiet ma kienx qed isofri minn xi marda imma għandu diversi probemi ta’ saħħa.

Qalet li kien anke għamel xi sentejn ‘clean’ mid-droga pero’ kien reġa’ waqa’ ghal vizzju. Qalet ukoll li anke waqt l-andament ta’ dawn il-proċeduri kif jirriżulta mit-testjiet tal-awrina meħuda kienu taw riżulatat pożittiv ghall-presenza ta’ eroina u kokaina.

L-Uffiċċjal tal Probabion Marilyn Attard qalet li l-aħħar ordni li ngħatat lilha kienet fil-25 ta’ Jannar, 2018 u li għandha sas-sena, 2021 isegwih. Qalet li ilha tafu mis-sajf tas-sena 2008.

Tul dawn is-snin qalet li rat progress u dan għaliex fejn qabel kien jabbuża mid-droga b’mod regolari, kien hemm perjodu fejn waqaf, għalkemm l-urines għadhom jiġu posittivi għall-eroina u kokajina.

Qalet li għadu jgħix mal-ġenituri tiegħu u għahekk f’dak ir rigward għandu stabilità pero għadu għaddej bl-użu tad-droga. Ikkonfermat li ma jaħdimx u saħħtu lanqas ma tippermettilu li jaħdem. Qalet li huwa jiffinanzja il-vizzju bil-flus li jagħtuh il-ġenituri tiegħu u bl-għajnuna soċjali li jirċievi.