Kultura Lokali

Ritratti: ‘Tieqa fuq l-istorja’ fil-Birgu, imma dwar xiex?

Il-maskri.. l-użu tagħhom, minkejja ċertu skumdita li jafu joħolqu, jaqdu funzjoni kruċjali biex iħarsu lill-bniedem minn bosta theddid. Illum qed ngħixu perjodu fejn qed nagħrfu l-importanza tal-maskri, għax bħala theddida għandna mxija, madanakollu fit-Tieni Gwerra Dinjija l-użu tal-maskri kienu jaqdu funzjoni kemxejn differenti.

Fil-Birgu tnediet ‘Tieqa fuq l-istorja’ fil-Mużew ta’ Malta fil-Gwerra, li kull erba’ xhur se tkun qed tilqa’ fi ħdanha wirja b’rabta ma’ numru ta’ temi partikolari, għal dawn l-ewwel xhur se jkun hemm wirja ċkejkna fuq il-maskri li kienu jintużaw fi żmien it-Tieni Gwerra, maskri li kienu jilbsu missirijietna biex jevitaw il-gassijiet tal-bombi u n-nugrufun tat-tkissir tal-bini.

Fil-wirja hemm il-ħsieb li wkoll tkun interattiva, fejn fejn wieħed ikun jista’ anki jimraħ id-dettalji dwar il-maskri, u wirjiet oħra, u kif ukoll ikun hemm spjegazzjoni anki għal dawk li jkunu jridu jisimgħu minflok jaqraw l-istorja.

Kelliema ta’ Wirt Artna qal lil Net News li dawn il-wirjiet qed jagħtu opportunità li oġġetti storiċi li huma parti minn kollezzjoni li f’waqtiet ikunu riserva, jingħataw aktar prijorità permezz ta’ din it-Tieqa.

Dan il-proġett ġie miġjub minn Fondazzjoni Wirt Artna, bil-għan li l-istorja ta’ pajjiżna tersaq aktar viċin il-poplu, u infatti din il-wirja hija b’xejn għall-pubbliku, wirja li prattikament tista’ tgawdiha mit-triq.

Din l-inzijattiva għandha s-sapport tal-Fondazzjoni Kottonera.