Coronavirus Lokali Saħħa

Ma jistidinx lill-media; Robert Abela jżur lukanda u jaħrab milli jwieġeb dwar il-COVID-19

Sal-lum Robert Abela għadu ma tkellimx mal-media dwar il-każi ġodda ta' COVID-19

Hekk kif pajjiżna jinsab f’waħda mill-għar ġimgħat ta’ każi ġodda ta’ COVID-19 sa minn meta bdiet il-pandemija f’pajjiżna, minn Kastilja għadna ma smajna xejn.

Illum il-Prim Ministru Robert Abela, għal darb’oħra, għażel li ma jaffaċjax il-media lokali dwar is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna u biex seta’ jagħmel dan, ma stidinx lill-media meta żar lukanda flimkien mal-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia.

Normalment, meta Prim Ministru jżur lukandi jew kull tip ta’ stabbiliment ieħor, jistieden lill-media, iżda Robert Abela għażel li jagħmel il-kontra u b’hekk ħarab għal kollox milli jaffaċċja mistoqsijiet dwar x’qed jippjana l-Gvern fid-dawl ta’ aktar minn 100 każ attiv ta’ COVID-19 f’temp ta’ ftit jiem.

Robert Abela mhux biss qed jinjora u jaħrab mill-media iżda qed jagħmel l-istess ukoll mal-korpi kostitwiti li ilhom jiem sħaħ joħorġu stqarrija wara l-oħra bi proposti b’risq is-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin.