Lokali Qorti

Sirjan liberat dwar theddid fuq bintu

Il-fatti fil-Qorti wrew li kien jieħu ħsiebha u jixtrilha kull ma trid

Sirjan residenti Ħal-Qormi li għamel minn kollox biex jieħu ħsieb lil bintu biex  jaraha kuntenta u taqbad it-triq it-tajba ma nstabx ħati li uża kliem ta’ theddid u fastidju fil-konfront tagħha.

Mill-provi fil-Qorti mhux talli talli ma kienx jagħtiha fastidju imma kien jagħmel minn kollox biex jaraha kuntenta u saħansitra kien jixtrilha kull ma titolbu.

Aswid Mohamed Nour Abdalla ta’ 59 sena kellu lil bintu tgħix f’dar Jeanne Antide f’Birkirkara, minħabba l-imġieba diffiċli tagħha. Il-proċeduri kontrih imorru lura ħames snin meta hija kienet għamlet diversi rapporti fil-konfront tiegħu.

It-tifla ta’ spiss kienet taħrab mill-post ta’ detenzjoni flimkien ma’ tfajliet oħra biex tiltaqa’ wkoll ma’ missierha u tmur f’diversi postijiet oħra. Il-missier kien ipprova jagħmel minn kollox biex jikkontrolla lil bintu u minħabba dan kollu huwa daħal f’ħafna nkwiet, tant li spiċċa bi proċeduri kontrih fil-Qorti.

Saru diversi rapporti kontinwi li kienet tagħmel kontrih bintu, li fl-2015 kellha 15-il sena. Minbarra dawn l-akkużi li rriżultaw mhux minnhom fil-Qorti, waqt il-proċeduri huwa kien ingħata ordni biex ma jkellimx lil bintu u ma jersaqx lejha. Bintu kienet tgħix f’Dar Jeanne Antide minħabba l-karattru diffiċli li kellha u li ta’ età żgħira kienet qed tgħix ħajja bla kontroll f’diversi aspetti.

Minn naħa tagħha kienet titolbu bil-ħniena biex tiltaqa’ miegħu u kienet tgħidlu fost affarijiet oħra li tinsab imdejjqa f’Dar Jeanne Antide u li jkollha bżonn il-flus f’idejha u ħwejjeġ x’tixtri.

Wara li missierha kien jikkuntentaha kif jista’ hija kienet tmur għand il-Pulizija u tirrappurtah li huwa kien qed jikser ordni mill-Qorti billi jiltaqa’ magħha.

Kienet ħarġet ksur tal-Ordni ta’ Protezzjoni fir-rigward ta’ bintu mill-Qorti u anke fil-konfront ta’ tnejn minn sħabha li kienu jaħarbu minn Jean Antide magħha. Għaldaqsant missierha daħal f’aktar inkwiet għax kien qed jiġi nterrogat li kien qed jiltaqa’ ma’ tfajliet oħra li kienu qegħdin jaħarbu minn Jean Antide.

Il-Qorti fuq il-każ ta’ bintu qalet li huwa minnu li Aswid Mohamed Nour Abdalla kien f’kuntatt ma’ bintu, izda kienet hi stess li kienet tmur tfittxu jew iċempillu. Huwa dejjem wassal lura lil bintu lejn il-‘Home’ fejn kienet tgħix jew f’xi okkażjoni anke mar l-Għassa tal-Pulizija biha.

Il-Qorti qalet li ma tqisx, ghalkemm li jeżistu l-estremi, li tinstab ħtija ta’ ksur ta’ Ordni ta’ Protezzjoni fiċ-ċirkostanzi partikolari, l-Liġi tgħid li jekk mingħajr skuża raġonevoli, l-akkużat jikser xi projbizzjoni mposta fuqu, huwa jkun ħati ta’ reat u jeħel il-piena skont il-Liġi.

F’dan il-kaz iżda, l-Qorti tqis li kienet tezisti skuza raġonevoli għalfejn l-imputat kiser restrizzjoni li ma jkellimx lil bintu, u dan peress li huwa ried jgħin lil bintu li kienet qed taħrab, biex hu kien jeħodha lura fejn kienet qed toqgħod fi ħdan l-awtoritajiet.

Fl-istqarrija moghtija minnu stess il-missier ikkonferma li jaf li nħarġet kontra tiegħu, Ordni ta’ Protezzjoni biex ma jagħmilx kuntatt ma’ bintu. Spjega li kienu ċemplulu l-Pulizija diversi drabi u jgħidulu li bintu kienet nieqsa.

Qal li jumejn wara li kienet bdiet l-iskola, bintu ċemplitlu għax ma kellhiex flus. Spjega li huwa qalilha biex tobdi u biex ma taħrabx, u li kien se jibgħatilha l-flus mas-social worker.

Tenna li l-għada, ċemplulu l-Pulizija tal-Ħamrun fejn infurmawh li bintu kienet nieqsa u daħlet fit-3.00am. Qal li ċemplitlu l-għada u qaltlu li kienet sejra d-dar tiegħu għaliex iddejqet taħrab.

Qal li huwa wissieha biex ma tmurx għax iġġibu fl-inkwiet u ftehmu li tmur l-Għassa u jmur hemm hu mas-Social Worker u jagħtiha dak li riedet. Spjega li t-tifla riedet il-flus għax fil-Home ma kienux iħalluha bil-flus fuqha.

Tenna li quddiem żewġ minuri oħra li kienu jgħixu fl-istess Dar fejn toqgħod bintu, huwa qalilha biex ma taħrabx u jekk toqgħod bil-għaqal kien lest jagħtiha dak li trid. 

Wara jumejn, kienu reġgħu ċemplulu mill-Għassa tal-Ħamrun għall-ħabta tad-9pm u hu mar idur fit-toroq u f’xi ħin wara, ra lil bintu u oħra li kienet tgħix magħha fuq bus stop f’Birkirkara. Qalulu li ħarbu mill-Home għax dwejjaq hemm f’Jean Antide.

Huwa xtralhom ikel u ħelu u qalilhom li kien se jeħodhom lura l-Home. Qal li semghu minnu u marru. Qal li dakinhar mar l-Għassa u nfurma lill-Pulizija li kienu rritornaw il-Home.

Sostna li bintu ma kinitx tmur skola għax tibqa’ rieqda. Fl-istess stqarrija, l-imputat ikkonferma li kien hemm varji okkazzjonijiet fejn dawn iż-żewġ tfajliet ħarġu mill-Home bla permess, u bintu kienet iċċempillu li ġejja magħhom.

Qal li darba minnhom kienet reġgħet ċemplitlu bintu u qaltlu li kienu ħarġu mill-Home, u li kellhom permess għal xi sagħtejn jew tliet siegħat. Huwa kien staqsieha fejn sejrin u kienet infurmatu li kienu sejrin tas-Sliema.

Huwa kien mar Tas-Sliema, rahom, xtralhom ġelat u xi ħaġa biex jieklu, u wara dawn marru jduru.  Qal li huwa qagħad jistennihom u wassalhom sal-Home u mbagħad mar l-Għassa tal-Ħamrun biex javża lill-Pulizija.

Qal li darba marru l-familja t-tiegħu d-dar għandu u kien hemm ibnu, u kien hemm ukoll il-ħbieb ta’ bintu. Qal li huwa ma setgħax ikeċċihom. Tenna li wara li kielu, ċemplu l-Għassa tal-Ħamrun, u hu qalilhom li bintu qiegħda għandu, u li kif jieklu, kien se jeħodhom l-Għassa.

Qal li wassalhom u mar lura id-dar tieghu. Spjega li f’okkażjoni oħra, bintu telqet mill-Home u mbagħad ċemplitlu fejn infurmatu li kienet se tmur tixtri flokk, imma flus ma kellhiex.

Qalilha biex tixtri ħamsa, u huwa mar magħha jixtri, fejn xtralha wkoll żewġt ilbiesi, u mbagħad wassalha l-Home. Huwa spjega li kien  jixtrilha biex ma toqgħodx taħrab. 

Il-missier qal li lilha u l-ħabiba tagħha kien xtralhom żewġ fliexken fwieha, rigali, cards tal-mobajl tat-€10 u lil bintu anke bidlilha l-mobile. Qal li t-tifla l-oħra, l-ħabiba ta’ bintu ġieli rringrazzjatu.

Huwa ċaħad fil-Qorti li jrid jitlaq minn Malta. Il-Prosekuzzjoni qalet li t-tifla hija waħda problematika u kellha kumpanija hażina u li misserha kellu ghal qalbu lit-tifla, iżda l-lingwaġġ u t-theddid li kien juża, ma kienx floku. 

Il-Qorti tal-Maġistrati fid-deċiżjoni tagħha qalet li mix-xhieda miġbura, ma ngħatawx dati u deskrizzjoni dettaljati ta’ meta l-imputat kiser l-Ordni ta’ Protezzjoni fil-konfront ta’ bintu u li lanqas ma tressqu provi lil hinn minn kull dubju raġonevoli dwar meta kien qed iseħħ xi fastidju mill-missier.

Ingħad li mix-xhieda li ħarġet, ma ngħatawx dati u deskrizzjoni dettaljatita’ meta l-imputat ġab ruhu b’tali mod li ta fastidju lil bintu. Huwa ġie lliberat minn kull akkuża. Għalih deheret l-Avukat Veronica Anne Spiteri filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elliott Magro.