Edukazzjoni Lokali

Tibdil fir-‘revision classes’ għall-eżamijiet tal-Matsec

Illum u għada, għalliema li se jkunu qed jagħtu l-lezzjoniijet tar-reviżjoni għall-eżamijiet tas-Sec se jkunu qed jitlaqqgħu mill-amministrazzjoni sabiex jingħataw struzzjonijet ġodda.

Dan hekk kif jidher li d-Dipartiment kellu jbiddel il-pjanijiet tiegħu u issa dawn il-lezzjonijiet se jkunu qed isiru b’mod virtwali, bl-għalliem li jkun fil-klassi iżda bl-istudenti jsegwu l-lezzjoni online.

Dan it-tbidil tal-aħħar minuta qed isir wara li pajjiżna rreġistra numru rekord ta’ każijiet fl-aħħar sigħat.

Sa issa l-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici għadu ma ħabbar l-ebda pjan ta’ kontinġenza fejn tidħol l-edukazzjoni għas-sena skolastika d-dieħla. Tant hu hekk li din il-ġimgħa stess fil-Parlament qal li l-iskejjel se jiftħu l-bibien tagħhom b’mod normali fl-28 ta’ Settembru.

Intant Net News tkellem ma’ Dermot Galea, CEO tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, li huwa wkoll responsabbli minn SkolaSajf fejn staqsejnih dwar is-sitwazzjoni fl-iskola ta’ Ħal Luqa. Hu spjegalna li l-iskola tinsab miftuħa b’mod regolari iżda bi staff differenti. L-istaff li kien qed jaħdem f’din l-iskola sal-bieraħ qed jistennew li jissejħu għal test.