Lokali

Twissija dwar is-saħħa minħabba temperaturi għoljin fis-Sajf

Hekk kif it-temperaturi qed ikomplu jitilgħu, id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard qed jagħti parir lill-pubbliku dwar l-importanza biex ma joqogħdux neqsin mill-ilma matul ix-xhur sħan tas-sajf. Temperaturi għoljin jikkawżaw telf ta’ ilma mill-ġisem b’rata mgħaġġla li jista’ jwassal għal nixfa (dehydration). Dan jista’ jwassal ukoll għal eżawriment tas-sħana jew stroke relatat mas-sħana. Is-sħana tista’ taffettwa lil kulħadd iżda xi nies huma f’riskju akbar, bħal anzjani, trabi, tfal żgħar, nies b’kundizzjonijiet kroniċi u nies attivi fiżikament.

Sabiex jiġu evitati l-effetti ta’ din il-mewġa ta’ sħana huwa importanti li –

  • Tevita kull espożizzjoni bla bżonn fix-xemx matul perjodi sħan tal-ġurnata, normalment bejn il-11.00am u l-4.00pm.
  • Żomm frisk billi toqgħod fil-partijiet friski tad-dar u tal-post tax-xogħol
  • Agħlaq il-purtieri ta’ kmamar li jaffaċċjaw ix-xemx biex  b’hekk iżżomm ġewwa aktar frisk
  • Ixrob l-ilma regolarment, biex tagħmel tajjeb għat-telf ta’ likwidi mill-ġisem, filwaqt li tiekol aktar ikel frisk u kiesaħ
  • Evita likwidi li jwasslu għan-nixfa. L-alkoħol, il-kafè, it-te u x-xorb biz-zokkor jistgħu jagħmlu aktar ħsara milli ġid
  • Ilbes ħwejjeġ ħfief.
  • Qatt tħalli lil xi ħadd f’vettura magħluqa u pparkjata, speċjalment trabi, tfal żgħar u annimali.
  • Evita attività fiżika fl-iktar partijiet sħan tal-ġurnata
  • Jekk ikollok bżonn li toħroġ fix-xemx, imxi fid-dell, agħmel krema protettiva u ilbes kappell.
  • Jekk għandek xi tħassib dwar saħħtek, fittex parir mediku

Huwa wkoll rakkomandat li wieħed jiċċekja regolarment lil xi persuni anzjani, li jkunu jgħixu waħedhom u kif ukoll dawk li huma f’riskju għoli.