Żewġ persuni ġew arrestati mill-Pulizija wara d-delitt li seħħ fl-Imqabba matul il-lejl li għadda.
Il-Pulizija rnexxielha tarresta li dawn iż-żewġ individwi f’Ħal Kirkop ftit tas-sigħat wara l-każ li ħalla żewġ kuġini milquta minn sparaturi. Wieħed mill-kuġini miet, u ieħor weġġa’ gravi – għalkemm mhux fil-periklu tal-mewt.
Il-vittma deher mixħut mal-art fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, fl-Imqabba iżda mhux eskluż li l-isparatura seħħet f’post ieħor.
Net News hu infurmat li l-isparaturi ġew minn persuna jew persuni li kienu qed isuqu mutur.
Mhux eskluż li fil-ħin li ġej il-Pulizija ssejjaħ lill-media għal crime conference.

Aktar kmieni
Raġel Malti li l-identità tiegħu għadha mhux magħrufa tilef ħajtu wara sparatura fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, fl-Imqabba.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11.30pm ftit wara li ntemmet wirja ta’ spettaklu tan-nar piroktekniku b’rabta mal-festival tal-logħob tan-nar li kien qed isir l-Erbgħa filgħaxija.
Fil-post ġew msejħa minnufih uffiċjali tal-Pulizija u tim mediku tal-ambulanzi madanakollu l-vittma sfortunatament ġie ċertifikat mejjet fuq il-post.
Dan filwaqt li mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li raġel ieħor involut fil-każ kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei b’urġenza għal xi ġrieħi li ġarrab.
Filwaqt li ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa li ħatar l-esperti sabiex jassistuh f’din l-investigazzjoni, kull min għandu xi informazzjoni dwar dan il-każ huwa mħeġġeġ jinforma lill-Pulizija minnufih.

