Lokali

Għal avvenimenti ta’ aktar minn 100 persuna l-Gvern ser jitlob Risk Assessment

Għad hemm konfużjoni dwar liema attivitajiet jistgħu jsiru....u liema le

“Kien ċar li ġaladarba ftaħna kien ser ikollna każijiet ġodda – u għalhekk importanti nibqgħu nagħmlu testijiet u distanza soċjali”

Dan saħqu l-Ministru għas-Saħħa u Deputat Prim Ministru Chris Fearne fejn flimkien mas-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn ħabbru numru ta’ standards għall-attivitajiet tal-massa. Għalkemm sa issa xorta għad hemm konfużjoni jekk ċertu attivitajiet jistgħux isiru jew le.

Chris Fearne saħaq li minn għada filgħodu kull avveniment jsir skont id-daqs tal-post fejn ser ikun qed jiġi organizzat; mhux aktar minn persuna waħda għall kull erba’ metri kwadri. U l-attivitajiet tal-massa jistgħu jibqgħu isiru sakemm isiru l-istudji li qed jintalbu.

Il-Ministru Fearne saħaq li fil-venue stess, ma jistax ikun hemm aktar minn 10 persuni f’kuntatt ma’ xulxin – dan ifisser li ma jistax ikollok gruppi ta’ aktar minn 10. Dan filwaqt li l-Ministru saħaq li jekk dawn l-istandards ma jinżammux hija responsabbilità tal-organizzatur … inkluż tiġijiet.

Is-Suprintendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, saħqet li persuna li tkun qiegħda torganizza avveniment li jkun qed jilqa’ aktar minn 100 persuna għandu jagħmel risk assessment. Fi kliem sempliċi, dawn l-avvenimenti kbar ma tħassrux, iżda se jiddaħħlu dawn l-istandards li tħabbru illum.

Il-Professur Charmaine Gauci sostniet li il-maġġoranza tal-persuni li ġew ttestjati pożittivi dan l-aħħar għandhom età żgħira, u lkoll jinsabu f’qagħda tajba.

Intant, tħabbar li l-unika attivitajiet li l-Gvern ħassar b’mod definittiv huma l-marċi tal-festa.

Il-MAM kienu talbu li l-attivitajiet tal-massa KOLLHA jitħassru b’mod immedjat – xi ħaġa li jidher li, għallinqas għalissa, mhux se tiġri.