Internazzjonali

Ċina: L-awtoritajiet f’Hong Kong jiskwalifikaw kandidati tal-Oppożizzjoni mill-elezzjoni

L-awtoritajiet f’Hong Kong skwalifikaw tnax-il kandidat li huma favur id-demokrazija mill-elezzjonijiet li se jsiru f’dan it-territorju semi-awtonomu taċ-Ċina – b’din id-deċiżjoni tkompli żżid it-tensjoni politika f’Hong Kong li kienet damet kolonja tar-Renju Unit sal-1997.

Il-leġislaturi tal-Oppożizzjoni kienu ttamaw li jiksbu maġġoranza fil-Kunsill Leġislattiv ta’ Hong Kong permezz tal-elezzjonjiet ta’ Settembru fit-territorju  partikulari. Huma kienu fiduċjużi li jaqtgħu figura tajba wara li ċ-Ċina imponiet liġi ġdida – u ferm kontroversjali – dwar is-sigurtà ta’ Hong Kong u li, fiha nnfisha, qed thedded il-libertajiet bażiċi tar-residenti fl-eks kolonja Britannika.

Joshua Wong u Lester Shum – żewġ attivisti favur id-demokrazija li għandhom profil għoli ħafna fost in-nies ta’ Hong Kong – spiċċaw fost il-kandidati projbiti milli jikkuntestaw l-elezzjoni. Dan waqt li l-Gvern ta’ Hong Kong qal li Wong u Shum ‘mhumiex xierqa jew denji li jippruvaw għal kariga amministrattiva’.

Il-Gvern ta’ Hong Kong qed jisħaq li kandidat ma jistax ikun ikkunsidrat bħala denju biex jikkuntesta l-elezzjoni ‘f’sitwazzjonijiet fejn jippromwovi l-indipendenza (ta’ Hong Kong) jew ifittex l-interventi tal-Gvernijiet barranin fl-affarijiet ta’ Hong Kong’.

Intant, Joshua Wong, li kiseb prominenza bħala attivista adolexxenti waqt il-protesti tal-2014 f’Hong Kong, qal li l-iskwalifikazzjoni tal-kandidati ‘qed turi nuqqas assolut ta’ rispett għar-rieda tar-residenti ( ta’ Hong Kong). ‘

Hu żied li d-deċiżjoni tal-Gvern, li jappoġġja lir-reġim komunista ta’ Beijing, ‘qed tkompli tgħaffeġ fuq l-aħħar elementi tal-awtonomija li għadhom validi f’Hong Kong.’

Il-Gvern ta’ Hong Kong wieġeb, fi stqarrija, li l-iskwalifika tal-kandidati bbażat fuq il-kriterji li jikkorrispondu mal-ħtiġiet tal-Kostituzzjoni tat-territorju u li din ‘ma tinvolvix kwistjoni ta’ ċensura politika’.