Coronavirus Lokali

“Dak li ġara fl-aħħar jiem kellu jiġi mbassar u evitat” – Kamra tal-SMEs

"Appellajna lill-Awtoritajiet kemm-il darba biex jiġu diskussi ċertu standards"

Ma nistgħux ngħixu f’bużżieqa, iżda rridu nżommu t-tixrid tal-pandemija taħt kontroll. Hekk sostniet fi stqarrija l-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji fejn ġie spjegat li l-interessi ekonomiċi u tas-saħħa jistgħu jiġu mħarsa t-tnejn li huma f’daqqa.

Il-Kamra appellat lill-Gvern ta’ Robert Abela sabiex jidħol f’diskussjonijiet mar-rappreżentanti tas-settur pubbliku qabel ma ssir aktar ħsara. Iċ-Chamber tal-SMEs insistiet li hemm bżonn jiġu introdotti numru ta’ standards sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ tixrid waqt attivitajiet pubbliċi.

Ġie spjegat li din il-Kamra kemm-il darba appellat lill-Awtoritajiet sabiex jiġu mħarsa l-istandards għall-ġid tas-saħħa taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin biċ-Chamber tisħaq li dak li seħħ fl-aħħar jiem kellu jiġi mbassar u evitat.

Il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji spjegat li l-Gżejjer Maltin iridu jitgħallmu jgħixu b’dan il-virus fi ħdanhom iżda l-attenzjoni trid tkun waħda massima.