Lokali

Fit-8 ta’ Awwissu l-Lawrenzjani Għawdxin jilqgħu lura l-Vara Titulari

Għal dawn l-aħħar xhur il-Knisja ta’ San Lawrenz kienet mingħajr l-istatwa titulari tagħha dik ta’ San Lawrenz li nħadmet 125 sena ilu ġewwa Marsilja fi Franza. L-istatwa kienet tinsab fl-Istudjo ta Prevarti sabiex isir xogħol ta’ konservazzjoni fuqha, liema xogħol qed isir għall-ewwel darba wara mija u ħamsa u għoxrin sena. 

Kien il-Kappillan Dun Salv Portelli li fil-ħeġġa tiegħu sabiex iżejjen il-Knisja li kienet għada kemm ġiet fdata taħt il-kustodja tiegħu jara li jżejjinha bi statwa titulari mill-isbaħ. 

Wara ħafna tentattivi intagħżlet id-ditta Gallard et Filles, pero meta kważi kien sar il-ftehim u kollox kien lest biex jinbeda x-xogħol, din il-kumpanija sabet ruħha taħt sidien oħrajn, Louis Ramat li pero wiegħed lill-Kappillan Portelli li ser jagħti lill-Parroċċa ta’ San Lawrenz “statwa li mhux biss hija artistika imma fuq kollox sabiħa u devota”.

Dan seħħ tassew! Fit-18 ta’ Lulju 1895 din l-istatwa waslet fuq xtutna, l-ewlenin Lawrenzjani marru jilqgħuha fl-Imġarr. Ix-xjuħ jirrakkontaw li l-kaxxa bl-istatwa ta’ San Lawrenz ittellgħet fuq l-ispallejn mill-Imġarr sa San Lawrenz. Nistgħu nimmaġinaw l-istagħġib meta nfetħet il-kaxxa u sabu l-ġmiel ta’ statwa. 

Nhar is-Sibt 8 ta’ Awwissu l-parroċċa ta’ San Lawrenz ser terġa’ tilqa lura din l-istatwa li hija l-għaxqa mhux biss tal-parroċċani ta’ San Lawrenz imma fuq ukoll ta’ dawk kollha li għandhom għall-qalbhom lil San Lawrenz kif ukoll l-arti. 

J’Alla San Lawrenz ir-rappreżentat f’din l-istatwa jibqa’ jkun punt ta’ resferenza għall-komunità ta’ San Lawrenz