Coronavirus Lokali Saħħa

“Ftit wisq… tard wisq” – L-Assoċjazzjoni tat-Tobba

“Ftit wisq…tard wisq”. Hekk iddeskriviet dak li ħabbar il-Viċi Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne l-Assoċjazzjoni Medika Maltija fl-ewwel reazzjoni tagħha, u tenniet li se tkun qed tibqa’ għaddejja bid-direttivi li ħabbret.

Minkejja li l-MAM laqgħet il-fatt li l-Gvern qed jammetti li l-attivitajiet tal-massa qed joħolqu l-problemi, innutat li dak li qed jissuġġerixxu l-awtoritajiet mhuwiex biżżejjed.

It-tobba qed jisħqu li l-pubbliku Malti mhux se jkun protett b’dak li ħabbar il-Ministru.

Għaldarboħra it-tobba ma ġewx ikkonsultati qabel ma tkellem id-Deputat Prim Ministru, u minflok ġew ippreżentati b’deċiżjoni finali.

Il-MAM esprimiet id-diżappunt tagħha għall-fatt li attivitajiet fejn eluf ta’ persuni se jkunu qegħdin miġbura f’post wieħed se jibqgħu għaddejjin bil-barka tal-Gvern, filwaqt li l-marċi ġew ikkanċellati, u rringrazzjaw lill-Arċisqof tal-pożizzjoni li ħa.

Il-fatt li mhuma qed jiġu ppubblikati l-ebda regolamenti u mhu qed jiġu applikati l-ebda multi mhux se tkun qed isservi wisq.

Meta għandna l-istess numri li kelna f’April, għalfejn mhux qed nagħmlu dak li għamilna dak iż-żmien? Huma staqsew għalfejn ma ġietx iddikkjarata emerġenza pubblika. Dan mhuwiex ‘business as usual‘ u għadna f’nofs pandemija. Il-poplu Malti jixraqlu lil jkun protett.

Il-Kunsill tal-MAM se jkun qed jiltaqa’ għada biex jiffinalizza d-direttivi.