Internazzjonali

Għexieren ta’ immigranti salvati barra l-Libja

Il-gwardjani tal-kosta Taljani qalu li rnexxielhom isalvaw madwar 100 immigrant minn fuq dinghy nofsu-mgħarraq, ‘il hinn mill-kosta tal-Libja.

L-intervent jidher li sar ‘wara li l-awtoritajiet ta’ pajjiżi oħrajn naqsu milli jieħdu inizjattiva biex isalvaw lill-immigranti’.

Id-dinghy inkwistjoni kien intlemaħ, f’nofs il-ġimgħa, minn ajruplani li kienu qed jittajjru minn fuq iz-zona ta’ search and rescue tal-Libja. Ir-rapporti inizjali qalu li d-dinghy kien spiċċa mingħajr magna waqt li kien qed idaħħal l-ilma minn kullimkien – u bis-sitwazzjoni tal-immigranti ssir dejjem aktar prekarja.

Sadanittant, il-kelliema għall-gwardjani tal-kosta Taljani qalu li ‘l-awtorità Libjana responsabbli għall-missjonijiet ta’ search and rescue fiz-zona partikulari naqsu milli jieħdu ħsieb il-koordinazzjoni tal-ħidma tas-salvataġġ minħabba n-nuqqas tar-riżorsi navali’.

Il-gwardjani tal-kosta Taljani, imbagħad, infurmaw lill-awtoritajiet ta’ Malta – li z-zona tagħha għal search and rescue (fil-Mediterran) hi qrib tal-Libja – b’din is-sitwazzjoni.

Dan waqt li t-Taljani kuntattjaw ukoll lill-awtoritajiet ta’ Ġibiltà peress li f’ħin partikulari, vapur tal-merkanzija li qed tbaħħar taħt il-bandiera ta’ dan il-pajjiż kien qiegħed xi disa’ mili nawtiċi biss ‘il bogħod mid-dinghy tal-immigranti.

Intant, saru wkoll il-kuntatti mal-awtoritajiet ta’ Franza li wieġbu li ma kien hemm l-ebda bastimenti b’reġistrazzjoni Franċiża fiz-zona ta’ baħar partikulari li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Libjani.

Il-kelliema Taljani komplew li l-gwardjani tal-kosta ta’ pajjiżhom, imbagħad – ‘ u fost is-silenzju persistenti tal-awtoritajiet ta’ Malta u Ġibiltà’ – ħadu ħsieb il-koordinazzjoni tal-ħidma tas-salvataġġ, fejn intbagħat bastiment biex isalvaw lill-immigranti tad-dinghy.

L-għexieren tal-immigranti, li kienu jinkludu sitt nisa u żewġt itfal, spiċċaw ittrasferiti mid-dinghy ( li sa dak il-ħin kien kważi għereaq kompletament) għal fuq il-vapur Taljan, li, imbagħad, wassalhom sal-gżira ta’ Lampedusa.

Iċ-ċentru ta’ Lampedusa li qed jilqa’ lill-immigranti diġà spiċċa ffullat iż-żejjed bl-ammont tal-immigranti li qegħdin jaslu hemm ‘bil-mijiet’ minn ġurnata għall-oħra.