Lokali

“Id-deċiżjoni tal-Gvern li jżid jum leave hija insensittiva” – Malta Chamber

Il-fatt li l-Gvern ta’ Robert Abela ddeċieda li jżid ġurnata leave żejda lill-impjegati f’dan il-perjodu bla ebda preċedent fl-ekonomija Maltija huwa kompletament insensittiv.

Hekk sostniet il-Malta Chamber fejn iddeskriviet din l-aħbar bħala waħda li ma tirrikonoxxix il-ħidma qawwija tas-sidien u min iħaddem f’dawn l-aħħar xhur u ġimgħat wara, li kawża tal-pandemija, bosta swieq lokali spiċċaw għarkupptejhom. Il-Malta Chamber insistiet li s-sidien tan-negozji ħadmu qatigħ sabiex isalvaw ħobżhom u l-impjiegi tal-ħaddiema tagħhom.

Madanakollu, il-President tal-Malta Chamber David Xuereb saħaq li hekk kif l-ekonomija ta’ Malta qed terġa’ tiprova tifrex passejha ‘il quddiem, din iż-żieda fil-leave f’dan il-mument qed jiġi meqjus bħala toqol żejjed u għaldaqstant qed titlob lill-Gvern sabiex tipposponi din id-deċiżjoni għal aktar ‘il quddiem meta l-produttività tal-pajjiż tkun waħda aċċettabbli.