Internazzjonali

IL-COVID-19 FL-AWSTRALJA: L-Istat ta’ Victoria jirrapporta l-akbar ċifra tal-mewt u l-agħar qabża fl-infezzjonijiet

L-Istat Awstraljan ta’ Victoria irrapporta l-akbar ċifra tal-mewt dovuta għall-infezzjonijiet bil-Covid-19, flimkien mal-akbar qabża fin-numru ta’ infezzjonijiet għal ġurnata waħda. Dan fost l-inkwiet ġenerali li l-lockdown li ilu fis-seħħ għal sitt ġimgħat f’Melbourne – il-belt kapitali ta’ Victoria – mhux qed ikun effettiv għat-trażżin tal-infezzjonijiet.

L-awtoritajiet ta’ Victoria kkonfermaw 13-il mewta ġdida u 723 każi ġodda tal-coronavirus għall-Ħamis — biċ-ċifra ġdida tal-infezzjonijiet tirrifletti qabża ta’ 36 fil-mija fuq ir-rekord tal-każi preċedenti li twaqqaf nhar it-Tnejn li għadda.

Il-qabża – jew spike – tfisser ukoll li l-Awstralja, ‘fuq livell ta’ pajjiż’, għaddiet mill-aktar jum qattiel kemm ilha tbati l-effetti ta’ din il-pandemija globali.

Intant, l-indikazzjonijiet huma li l-lockdown f’Melbourne – li ilu fis-seħħ mis-7 ta’ Lulju – jeħtieġ li jkun estiż fiċ-ċirkustanzi. Dan waqt li l-awtoritajiet fl-Istat ta’ Victoria ġeddew l-appelli biex in-nies li jistgħu qegħdin juru sintomi tal-marda jippreżentaw ruħhom minnufih għat-testijiet.

Skont id-direttivi speċifiċi effettivi għal Melbourne, ir-residenti ma jistgħux joħorġu minn djarhom ħlief għax-xogħol – kif ukoll għal perjodi ta’ eżerċizzju u biex jixtru l-affarijiet essenzjali.

Il-belt ta’ Melbourne saret ukoll l-ewwel belt tal-Awstralja li qed tinsisti bl-ilbies mandatorju tal-maskri fil-postijiet pubbliċi. Id-direttiva inkwistjoni għandha tkun estiża madwar l-Istat ta’ Victoria mill-bidu tal-ġimgħa d-dieħla.

L-aħħar rapporti minn Melbourne qalu wkoll li l-aħħar infezzjonijiet ‘lokalizzati’ bil-Covid-19 qed jirriflettu l-firxa tal-coronavirus qalb ir-residenzi għall-anzjani u persuni oħrajn bi bżonnijiet speċjali.

Fil-fatt, l-anzjani jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-imwiet (mill-Covid-19) li kienu rappurtati għal dawn l-aħħar ħmistax.