Lokali

Il-Fondazzjoni Lifecycle (Malta) determinata li taqbeż it-tragward ta’ sfidi ciklistiċi f’50 pajjiż

Fi sfond tal-COVID-19, li għadu instabbli ħafna f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, il-Fondazzjoni LifeCycle (Malta) qed issegwi mill-qrib il-kundizzjonijiet mhux biss f’Malta u Għawdex, iżda ukoll fl-Arġentina u Ċilì fejn l-isfida tas-sena d-dieħla se ssir bejn il-21 ta’ Frar u s-6 ta’ Marzu.  Sfida ta’ 2,000 km minn Buenos Aires sa Santiago minn fuq il-Muntanji Andes f’għaxart ijiem biss attirat parteċipazzjoni b’mod volontarju ta’ 36 ċiklist u disa’ membri mit-tim ta’ appoġġ li sa minn fi Frar li għadda qegħdin jiġbru fondi għall-pazjenti li jbatu minn mard fil-kliewi f’pajjiżna.

Din l-esperjenza se tkun l-ewwel darba li l-Fondazzjoni twettaq sfida ċiklistika fl-Amerika t’Isfel, hekk kif qed timmarka l-21 anniversarju tagħha fil-ġbir tal-flus għal kura ta’ persuni li jbatu minn mard fil-kliewi.  Bit-taħriġ oriġinarjament ippjanat li jibda f’Ġunju li għadda u d-dati stabbiliti għall-isfida f’Ottubru, malajr deher ċar li dan ma kienx se jkun possibbli minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-periklu għas-saħħa inġenerali.Il-Fundatur ta’ LifeCycle Alan Curry, qal: “Kien ikun faċli li l-avveniment jitħassar għal kollox, iżda peress li aħna grupp pożittiv u determinat, wara li staqsejna liċ-ċiklisti dwar id-disponibbiltà tagħhom, iddeċidejna li nipposponu d-data tat-tluq sal-21 ta’ Frar 2021. Intant, peress li lkoll xorta għandna l-impenji tagħna lejn il-pazjenti li jbatu mill-mard fil-kliewi u minħabba li nħossuna obbligati li nonoraw lill-infermieri li jieħdu ħsiebhom, jekk nistgħu nwettqu b’suċċess din l-isfida tkun ħaġa mill-isbaħ għal dawk kollha kkonċernati.  Iż-żjara fl-Amerika t’Isfel mhux biss se tara l-ewwel sfida tagħna f’dak il-kontinent, iżda se tara wkoll lil-LifeCycle taqbeż it-tragward ta’ sfidi f’50 pajjiż mill-bidu tagħha fl-1999, fejn matul iż-żmien inġabret is-somma impressjonanti ta’ €3 miljun.”

Nestlé Malta xorta se tkun qed tappoġġja din il-21 sfida impenjattiva bil-marka tal-kafé ikonika tagħha Nescafé, bħala title sponsor.  L-isponsorship se jkun iddedikat għal programm ġdid ta’ riċerka fl-Università ta’ Malta dwar il-mard poliċistiku tal-kliewi  magħruf bħala “Genotype-Phenotype of Autosomal Dominant Polycystic”, u lejn ir-Renal Unit Support Health Hub (R.U.S.H.) li joffri għajnuna psikoloġika kontinwa lill-pazjenti morda bil-kliewi.

Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Dr Shirley Cefai, qalet: “Barra mill-isfida prinċipali taċ-ċikliżmu, qegħdin inkunu mgħejjuna permezz ta’ diversi sponsorships miġbura mill-parteċipanti entużjasti tagħna, peress li l-ġbir ta’ fondi hu test kontinwu fil-ħidma tagħna.  Minkejja dan,  avvenimenti iżgħar xorta se jkunu organizzati.  Il-kumitat wiegħed li se jkompli jappoġġja lil ‘Traccia’ u se jagħmel donazzjoni lill-Unità Renali f’Mater Dei f’qasir żmien.  Il-finanzi għall-kura kontinwa ta’ pazjenti li jbatu mill-mard fil-kliewi hi tassew bir bla qiegħ.

“Għalkemm il-Gvern jagħmel il-parti tiegħu, hu essenzjali li nirrealizzaw li irrispettivament mis-somma flus li tinġabar, qatt mhu biżżejjed għax din hi kundizzjoni kronika.  Nittamaw li l-45 parteċipant enerġetiku jitilgħu fuq l-ajruplan tal-Emirates fil-21 ta’ Frar u jerġgħu jirritornaw lura b’mod sigur ġimagħtejn wara, filwaqt li jinġabru aktar flus u jinħoloq aktar għarfien għall-pazjenti li tant jiddependu fuq atti ta’ karità bħal dawn.”

Il-Fondazzjoni Lifecycle (Malta), l-unika NGO li tiġbor il-flus biex tappoġġja pazjenti bi problemi fil-kliewi f’pajjiżna, taħdem id f’id mal-istaff mediku tal-Unità Renali fl-Isptar Mater Dei u t-tim ta’ riċerka dwar il-mard fil-kliewi fl-Università ta’ Malta, permezz tar-Research Trust (RIDT).  Barra minn hekk, il-Fondazzjoni LifeCycle tiġġenera ukoll għarfien dwar trapjanti tal-organi f’Malta.

Id-donazzjonijiet għan-Nescafé LifeCycle Challenge 2021 jistgħu jsiru permezz ta’ Revolut fuq 99329101, permezz ta’ PayPal fuq din il-link: https://buff.ly/35g17CC jew
permezz ta’ sms fuq: 5061 7370 għal donazzjoni ta’ €2.33; 5061 8920 għal donazzjoni ta’ €6.99; 5061 9229 għal donazzjoni ta’ €11,65; jew
permezz ta’ telefonata fuq in-numru 5160 2020 għal donazzjoni ta’ €10, 5170 2005 għal donazzjoni ta’ €15; u 5180 2006 għal donazzjoni ta’ €25.  

Id-dettalji tal-bank: kodiċi Swift – VALLMTMT, numru – IBAN MT 18 VALL 22013000000014814521017, isem tal-Bank – Bank of Valletta u numru tal-Kont – 14814521017.

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok żur www.lifecyclechallenge.com.

Għal donazzjonijiet lejn Nescafé LifeCycle Challenge 2021 idħol fuq: https://www.facebook.com/LifeCycleChallenge/