Sport Sport Ieħor

Il-Gvern b’ abbozz ta’ liġi dwar twaqqif ta’ awtorità ġdida mingħajr konsultazzjoni mal-għaqdiet kollha nvoluti

(Ritratt: MEF)

Fil-Parlament il-Gvern ressaq abbozz ta’ liġi li se jkun qed iwaqqaf awtorità ġdida bl-isem ta’ EquestriMalta biex tirregola l-isport  tat-tiġrijiet taż-żwiemel. Minkejja li l-isem tal-awtorità huwa EquestriMalta, il-Gvern naqas milli jikkonsulta mal-għaqdiet tal-Equestrian. Fil-proċess tat-twaqqif ta’ din l-awtorità, il-Gvern naqas milli jikkonsulta mal-federazzjonijiet involuti fosthom il-Malta Equestrian Federation u l-Malta Polo Club.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima, qal li din l-awtorità se tkun responsabbli mill-kalendarju tat-tlielaq taż-żwiemel, kif ukoll mill-azzjonijiet dixxiplinarji u miżuri ta’ sigurtà. EquestriMalta se tkun ukoll responsabbli mill-prezzijiet tad-dħul għas-segwaċi taż-żwiemel f’pajjiżna.

B’reazzjoni għal dan, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Robert Cutajar appella lill-Gvern biex jagħmel konsultazzjoni ma’ kull min huwa involut fl-isport taż-żwiemel f’pajjiżna b’referenza għall-assoċjazzjonijiet kollha nvoluti. Cutajar qal ukoll li din il-liġi tressqet bl-għaġla u għall-oppożizzjoni din m’hijiex aċċettabli.

Robert Cutajar ressaq numru ta’ emendi fejn talab lill-Gvern biex jikkunsidra dawn l-emendi biex tiġi mwaqqfa’ awtorità denja u li tixraq lill-isport kollu li jmiss maż-żwiemel wara li tkun saret konsultazzjoni xierqa ma’ kull min hu involut.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport wiegħed li jekk issir din il-konsultazzjoni serja, l-oppożizzjoni ma tiddejaq xejn li tappoġja t-twaqqif ta’ din l-awtorità bit-tama li l-Gvern ikompli jiddiskuti ma’ dawk kollha nvoluti f’dan l-istess abbozz matul ix-xhur tas-sajf biex meta jerġgħa jiltaqa’ l-parlament f’Ottubru li ġej din il-ligi tkun tista’ tigi approvata bi qbil unanimu fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. L-isports taż-żwiemel f’pajjiżna jixraqlu li jkollu awtorità  denja li tkompli tgħolli l-livell ta’ dan l-isport u r-rispett tad-dilettanti kollha taż-żwiemel.