Il-piloti tal-Air Malta vvutaw li jittieħdu azzjonijiet industrijali bi protesta għat-tkeċċija ta’ 69 kollega, kif ukoll minħabba dawk li qed isejħu bħala ksur tal-ftehim kollettiv u l-ksur tal-kundizzjonijiet tal-impjieg.
Il-piloti vvutaw f’elezzjoni msejħa mill-union tal-piloti (ALPA), fejn mhux tkun eskluża wkoll il-possibbiltà ta’ strajk. Dan wara li fix-xahar li għadda, il-piloti tkeċċew wara li ma aċċettawx tnaqqis fil-pagi tagħhom, kif propost mil-linja nazzjonali tal-ajru.
Fi stqarrija, l-ALPA spjegat li l-Air Malta keċċiet lill-piloti ftit jiem biss wara li kienet assigurathom li ħadd ma kien se jitlef l-impjieg. Barra minhekk, kompliet tispjega l-Assoċjazzjoni tal-Piloti, ftit jiem qabel, iċ-Chairman tal-linja nazzjonali tal-ajru Charles Mangion kien assigura wkoll li l-pakketti finanzjarji marbuta mal-ftehim kollettiv ma kienx se jintmess.
L-ALPA kompliet tispjega li, wara li l-proposti meqjusa bħala finali tneħħew sigħat qabel vot li kienet se tagħmel l-union, l-Air Malta talbithom jagħtu l-proosti. Għall-union, din it-talba kienet meqjusa bħala mod kif iddewwem aktar in-negozjati. L-ALPA ppreżentat dawn il-proposti fil-11 ta’ Lulju, mingħajr l-ebda reazzjoni mill-Air Malta.
Għaldaqstant, l-union qalet li dan id-dewmien mhux aċċettabbli, filwaqt li kkritikat in-nuqqas ta’ direzzjoni mit-tmexxija tal-kumpanija.