Id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu kontra l-Coronavirus huma tal-Kabinett b’mod kollettiv. Hekk iddikjarat il-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia fid-dawl tat-tħassib ta’ kull Malti u Għawdxi li mewġa ġdida tal-virus tista’ tkun wara l-bieb.
Dan wara li fl-aħħar jiem, l-ammont ta’ każi attivi sploda ‘l fuq. Kawża ta’ dan, hu evidenti t-tħassib ta’ ħafna…anke minhabba li s-suppost għajnuna lill-ekonomija, qed tirriżulta f’nuqqas ta’ bejgħ minħabba l-biża’.
Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, il-Ministru tat-Turiżmu stqarret mal-istazzjon televiżiv internazzjonali BBC li pajjiżna hu ppreparat biex jilqa’ lit-turisti, u hu l-aktar pajjiż sigur fil-Mediterran.ulia Farrugia u membri oħrajn tal-Kabinett issa qed jiffacjaw kritika għaż-żieda fin-numru tal-każi ta’ Coronavirus, partikolarment wara l-ftuħ tal-ajruport u l-portijiet, kif ukoll il-ħruġ ta’ permessi għal parties u attivitajiet oħrajn tal-massa.
Iżda issa, iffaċċjata minn din il-kritika u l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Ministru tat-Turiżmu farfret ir-responsabbiltà minn fuq spallejha u tefgħetha fuq sħabha fil-Kabinett, qabel ma telqet tgħaġġel lejn il-karozza.
Fi tweġiba oħra, hi dawret il-kanuni lejn it-Tobba u akkużathom li ppruvaw ibeżżgħu lill-poplu meta ressqu l-appelli tagħhom lill-Gvern. Dan meta, l-Assoċjazzjoni tat-Tobba appellat kemm-il darba, fost l-oħrajn, għal proċessi aktar rigorużi fir-rigward tat-turisti li jżuru pajjiżna.
Iżda wara li tefgħet l-attakk, baqgħet xorta ma weġbitx dwar it-tħassib tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa.
Fl-aħħar sigħat, il-MAM fakkret li kienet ilha tagħti l-pariri lill-Prim Ministru Robert Abela biex jiftaħ bil-mod, iżda għażel li jibqa’ jagħmel ta’ rasu. It-tobba qalu ukoll li l-Ministru Farrugia ghandha terfa’ r-responsabbilta’, u twaqqaf b’mod immedjat l-attivitajiet kollha tal-massa. Il-MAM fil-fatt qed tipproponi li l-massimu ta’ persuni li jkunu permessi jingabru flimkien, ghandu jinżel għal għaxra.
//= $special ?>