Lokali

“L-entużjażmu għal paġna ġdida qiegħed kuljum jiżdied u jinħass”

Il-kuraġġ li qed juru l-kunsilliera u t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista f’dan il-mument storiku hu wieħed bla precedent, hekk kif qed tinħass dejjem aktar is-sejħa għal paġna ġdida għall-Partit Nazzjonalista, immexxi minn Kap ġdid li jkun persuna ta’ integrità, serja, onesta u kredibbli li tpoġġi l-interess nazzjonali u tal-Partit Nazzjonalista qabel l-interessi personali tiegħu.

Hekk sostnew fi stqarrija l-maġġoranza tad-deputati tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.

Huma qalu li l-proċess li għaddejjin minnu mhux wieħed faċli. Iżda dan hu dak li jagħti s-saħħa lill-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista: il-jedd li jiddeċiedu x’futur iridu jagħtu lill-Partit.

“Il-Kunsilliera ser jagħżlu bejn il-kontinwità ta’ dak li rajna matul l-aħħar tliet snin, jew bidu ta’ paġna ġdida b’elezzjoni bejn diversi persuni li qed joffru lilhom infushom għall-kariga ta’ Kap tal-Partit.”

Huma appellaw biex min għadu se jivvota għada jew is-Sibt jiftakar fir-responsabbilità kbira u jagħraf juża l-vot tiegħu fl-aħjar interess tal-Partit Nazzjonalista u ta’ pajjiżna.

Aħna ninsabu ħerqana u fiduċjużi li minn dan il-process li jkompli b’elezzjoni ghal Kap ġdid fost it-tesserati.