Lokali

AĠĠORNATA: “Mhux minnu li Jason Azzopardi ma tħalliex jaħdem”

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal illi jinsab sorpriż kif id-Deputat Jason Azzopardi stqarr mal-midja li kien injorat mill-Kap tiegħu Adrian Delia għal tliet snin sħaħ fuq mozzjoni privata li ressaq hu. Din il-Private Members Bill, id-Deputat Azzopardi ressaqha lill-Ispeaker bla ma’ kkonsulta mal-kumplament tas-27 membru tal-Grupp Parlamentari kif isir minn kull deputat qabel tiġi ppreżentata mozzjoni jew liġi simili.

Il-PN fakkar li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet 29 mozzjoni u liġi privata fl-ahhar tliet snin li 11 minnhom tressqu wkoll bil-firma tal-Onor. Azzopardi.

F’dawn is-36 xahar, l-Oppożizzjoni kellha l-opportunita’ li, skond l-Ordnijiet tal-Kamra, tressaq mozzjoni jew liġi tagħha darba kull erba’ xhur, li jfisser li mhux biss l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni jew liġi privata kull meta kien imissha tagħmel hekk iżda fadal numru ta’ mozzjonijiet u liġijiet privati li qed jistennew li jiġu diskussi fil-ġurnata mħollija għal-liġijiet u mozzjonijiet tal-Oppożizzjoni, darba kull circa 4 xhur kif jgħidu l-Ordnijiet tal-Kamra. Dawn huma numri li jikkonfermaw bil-kontra dak li qal Jason Azzopardi.

Il-Grupp Parlamentari approva li jitressqu numru kbir ta’ mozzjonijiet li jirriżulta li kien l-istess Deputat li ffirmahom.

“Jason Azzopardi ċertament li tħalla jaħdem, tant li kien l-aktar deputat li ressaq mozzjonijiet fl-aħħar snin u anke kien firmatarju ta’ mozzjonijiet u liġijiet privati li tagħhom hu ma’ kienx direttament responsabbli jew ma kienux jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu.”

Il-PN fakkar ukoll li fl-aħħar tliet snin Jason Azzopardi ngħata mill-Kap tal-PN Adrian Delia żewġ dekasteri li jistgħu jitqiesu fost l-aktar importanti fil-ħidma tal-Oppożizzjoni. Dawn kienu l-ambjent u l-ġustizzja.

Stqarrija mill-grupp maġġoritarju tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista

Fi stqarrija, grupp ta’ deputati tal-PN qalu li dak li ħareġ mill-Partit Nazzjonalista aktar kmieni llum dwar Jason Azzopardi juri l-bżonn urġenti li l-PN jkollu kap li jgħaqqad.

Id-deputati qalu li din l-istqarrija kienet ordnata minn Adrian Delia innifsu.