Lokali Qorti

Missier jingħata l-libertà proviżorja wara sejba ta’ droga

Emanuel Brignone ta’ 58 sena, minn Bormla ngħata l-ħelsien mill-arrest, wara li l-ġimgħa li għaddiet tressaq il-Qorti u nżamm taħt arrest preventiv b’rabta ma’ sejba ta’ droga.

Wara li f’April li għadda kienu trssqu l-Qorti żewġt aħwa minn Bormla, ġuvni u tfajla fuq traffikar ta’ droga, kien l-Erbgħa, 29 ta’ April, li ġie interrogat missierhom, Emmanuel Brignone b’rabta ma’ ċirku ta’ traffikar ta’ droga fl-inħawi tal-Kottonera.

Il-missier kien ingħata l-‘police bail’ li kien jgħodd sa Ġunju u dan anke minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Joseph Brignone u oħtu Annalise Brignone kienu tressqu huma l-ewwel il-Qorti.

Il-missier kien arrestat tliet xhur wara li wliedu, Joseph u Annalise kienu akkużati b’pussess aggravat ta’ droga kokaina, kannabis u droga oħra. Il-ġimgħa li għaddiet il-missier wieġeb mhux ħati li ttraffika d-droga kokaina, kannabis u drogi oħrajn sintetiċi. Kif ukoll li kellu fil-pussess ta’ droga li ma kinitx għall-użu personali.

Il-Pulizija kienet tkellmet ma’ missier l-aħwa Brignone li kienu ġew mixlija fil-Qorti li kellhom fil-pusses tagħhom żewġ kilos ta’ droga sintetika, kilo kannabis u 30 gramma kokaina u armi.

U dan peress li allegatament instabet droga fil-pusses ta’ Annalise Brignone li kienet fid-dar ta’ missierha fejn hija tgħix. Emmanuel Brignone ġie mixli wkoll li wettaq dan ir-reat f’post viċin li jkun iffrekwentat miż-żgħażagħ.

Il-Maġistrat Neville Camilleri laqa’ t-talba għal libertà proviżorja lill-imputat fuq depożitu ta’ ‎€5,000 u garanzija personali ta’ ‎€20,000 Huwa ġie ordnat ukoll jiffirma kuljum l-Għassa tal-Pulizija ta’ Bormla u jkun id-dar bejn it-8.00pm. u s-6.00am.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mark Anthony Mercieca u għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u Francesca Zarb.