Lokali Qorti

Mixli bi vjolenza domestika fil-konfront ta’ missieru

Raġel ta’ 41 sena residenti San Ġwann ingħata l-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €5,000 wara li wieġeb mhux ħati ta’ vjolenza domestika fil-konfront ta’ missieru. L-akkużat li jgħix ma’ missieru allegatament kellu argument miegħu u spiċċa biex rassu mal-ħajt u kkaġunalu ġrieħi ħfief f’żaqqu.

Kien il-missier li għamel ir-rapport lill-Pulizija wara li skont hu ibnu jitlgħulu malajr u jkun fi stat nervuż ħafna. L-Avukat Raisa Colombo li deheret għall-imputat għamlet talba għal ħelsien mill-arrest li ma sabitx oppożizzjoni mill-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Leeroy Balzan Engerer.

Il-Qorti widdbet lill-akkużat biex minkejja li se jibqa’ jgħix ma’ missieru ma jlissinx kelma dwar l-inċident miegħu u ma jikkommettiex reat ieħor simili u li jħalli lil missieru bil-kwiet.

“Jekk ikolli l-iċken rapport li b’xi mod immolestajtu, se tibqa’ sejjer dritt il-ħabs”, widdbitu l-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo. Huwa ġie ordnat jiffirma kull nhar ta’ Sibt fl-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan bejn it-8.00am u t-8.00pm.