Futbol Sport

Roma jaċċertaw il-ħames post u ċ-champions Juventus megħluba minn Cagliari

(Ritratt: EPA)

Roma aċċertaw li se jispiċċaw il-kampjonat fil-ħames post wara rebħa missielta kontra Torino biex b’hekk kienet inutli r-rebħa kbira ta’ Milan kontra Sampdoria. Iċ-champions Juventus sfaw megħluba minn Cagliar tlett ijiem wara li assiguraw mir-rebħ tal-kampjonat. Lecce għadhom jittamaw li jevitaw ir-relegazzjoni.

CAGLIARI – Juventus fl-ewwel ħarġa minn meta kkonfermaw ir-rebħ tal-kampjonat sfaw megħluba minn Cagliari 2-0 fis-Sardegna Arena. LUCA GAGLIANO fetaħ l-iskor wara biss seba’ minuti meta mattar siequ biex għeleb lil Gianluigi Buffon. GIOVANNI SIMEONE rdoppja qabel tmiem l-ewwel taqsima b’xutt djagonali għar-rokna.

FIRENZE – Rebħa kbira ta’ 4-0 fi Stadio Artemio Franchi għal Fiorentina fuq Bologna li biha telgħu fl-10 post. Il-gowls kollha waslu fit-tieni taqsima, b’FEDERICO CHIESA jiftaħ l-iskor fit-48 minuta b’xutt li kien imxellef, bl-istess plejer jirdoppja sitt minuti wara. NIKOLA MILENKOVIC għamilhom tlieta mill-viċin fit-73 minuta biex reġa’ kien FEDERICO CHIESA li għaqqad it-tripletta fid-89 minuta b’xutt għar-rokna.

TURIN – Roma kisbu rebħa importanti ta’ 3-2 kontra Torino li biha assiguraw il-ħames post. Wara li ALEX BERENGUER fetaħ l-iskor wara 14-il minuta, EDIN DZEKO ġab id-draw żewġ minuti wara minn qagħda ideali. CHRIS SMALLING poġġa lil Roma fil-vantaġġ fit-23 minuta b’daqqa ta’ ras minn korner, b’AMADOU DIAWARA jagħmilhom 3-1 fil-61 minuta minn penalty. WILFRIED SINGO naqqas id-distakk erba’ minuti wara b’azzjoni personali fuq il-lemin.