Lokali

Skiet li jtarrax mill-Gvern li ftiehem mal-barranin għall-isptarijiet biex jinsterqu l-Maltin – Adrian Delia

Għaddew jumejn minn meta l-Awditur Ġenerali ppubblika l-addendum dwar il-memorandum of understanding li l-Gvern iffirma mal-Vitals xhur qabel ma ngħataw it-tliet sptarijiet tal-poplu. Sal-lum Robert Abela, Joseph Muscat u Konrad Mizzi baqgħu siekta.

F’messaġġ fuq NET Television, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li bis-skiet tagħhom, bin-nuqqas ta’ azzjoni, bin-nuqqas li jġorru r-responsabbilta’, qegħdin jagħżlu li flok jipproteġu lill-Maltin iżommu ma’ kumpaniji barranin li qegħdin jisirquna €250,000 kuljum bil-barka tal-Ministri. Il-Gvern ftiehem mal-barranin biex jinsterqu l-Maltin.

Għaddew 23 ġurnata minn meta l-Awditur Ġenerali ppubblika l-ewwel rapport tiegħu dwar il-konċessjoni li l-Gvern ta’ lil Vitals biex suppost mexxew it-tliet sptarijiet. Ftehim li bih rabatna f’kuntratt skandaluż ta’ €2,000,000,000. Il-Gvern tkellem mal-barranin u ftiehem magħhom b’memorandum of understanding minn qabel beda l-proċess. Robert Abela baqa’ sieket, skiet li jtarrax.

L-Oppożizzjoni ilha tgħid li l-proċess li wassal biex Vitals jingħataw l-isptarijiet kien wieħed imnawwar, u meta l-Gvern Laburista għażel li jilgħab bis-saħħa tal-Maltin, il-frontliners tagħna għadhom hemm fuq quddiemnett jissieltu mal-virus tal-COVID-19, għax il-pandemija għadha magħna. Is-saħħa tal-poplu tagħna tibqa’ prijorita’ għax jekk ma jkollnix poplu b’saħħtu, lanqas jistax ikollna ekonomija b’saħħitha. Irridu nibdew inkejlu l-progress ekonomiku mhux biss bil-GDP imma wkoll bil-kwalita’ tal-ħajja, tas-saħħa tagħna.

Robert Abela qalilna li l-mewġ qiegħed fil-baħar, u b’deċiżjonijiet mgħaġla li mhux ippruvati, għax ma ppubblika l-ebda rapport mediku, t-tobba u l-professjonisti qegħdin jerġgħu jappellaw biex kulħadd josserva r-rakkomandazzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa biex ma nitilfux ir-riżultati eċċellenti li akkwistajna bil-ħidma tat-tim tas-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci u t-tobba u l-infermieri tagħna.

Ħidma li kellha tiġi rikonoxxuta bil-fatti. Fit-28 ta’ Ġunju li għadda kont ktibt lill-Prim Ministru biex dawn l-eroj tagħna jingħataw tlett ijiem leave bla ħlas iżda sal-lum din il-proposta għadha ma twettqitx. Bqajna bla risposta. Robert Abela baqa’ sieket. Ejja nevitaw li jerġa’ jkollna s-saħħa li tiġġieled mal-ekonomija, l-Gvern għandu jkun ċar u jagħti l-informazzjoni kollha għaliex ix-xenarju li jkollna żidiet fin-numri kellu jkun imbassar biex minn qabel jittieħdu l-miżuri li jgħinu lil min għadu qed jaffaċċja diffikultajiet kbar.

Il-flus tal-poplu li kuljum qegħdin nagħtu, €250,000 kuljum bid-deal tat-tliet sptarijiet, li l-Gvern rabatna bih, nistgħu nonfquhom fejn verament hemm bżonn. Biex inkunu ppreparati aħjar għal sitwazzjoni ġdida, għal mewġa oħra tal-virus, biex ngħinu lil 11,000 persuna li m’għandhomx xogħol, il-110,000 ħaddiem li l-Gvern ħalla barra mill-għajnuna, lin-negozji li ta’ kuljum jaffaċċjaw diffikultajiet, lill-familji li mhux jaslu sal-aħħar tax-xahar u lill-pensjonanti biex jgħixu ħajja diċenti. Miljuni li nistgħu nerġgħu ninvestuhom fis-settur tas-saħħa, fil-frontliners tagħna.

U meta Robert Abela għadu sieket quddiem rapport ieħor tal-Awditur Ġenerali li jerġa’ jikkundanna din il-ħniżrija dwar is-saħħa tal-poplu, minflok iġorr ir-responsabbiltajiet u jwaqqaf minnufih dan il-kuntratt skandaluż biex ma nibqgħux ninsterqu, jiena għadni determinat iktar minn qatt qabel li nkomplu bil-kawża li ftaħt biex il-Qorti tiddikjara null dan il-kuntratt u nara li tasal il-ġurnata li l-isptarijiet jingħataw lura lill-Maltin.

Wasal iż-żmien biex verament ningħaqdu flimkien kontra t-theddida reali tal-virus bil-pandemija, biex inwarrbu l-politika li tifridna darba għal dejjem. Inwarrbu l-politika tal-ħabi. Inwarrbu l-politika tal-kriminalita’. Inwarrbu l-politika tal-ftit magħżula. Inwarrbu l-politika tal-Kabinett fuq id-dgħajjes, u nagħmlu minflok politika verament tan-nies.