Internazzjonali

Stati Uniti: Trump jissuġġerixxi li l-elezzjoni għall-Presidenza għandha tkun posposta

Ritratt AP News

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, sejjaħ biex l-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza tal-pajjiż tispiċċa posposta. Dan filwaqt li tenna li ż-żieda fil-votazzjoni postali kapaċi twassal għal ‘frodi’ u sitwazzjoni ta’ riżultati impreċiżi.

Għaldaqstant Trump issuġġerixxa li l-elezzjoni għandha tinżamm f’data oħra ‘fejn l-Amerikani jkunu jistgħu jivvutaw fis-sigurtà u b’mod xieraq’.

Dan wara li l-President, permezz ta’ sensiela ta’ tweets, wassal il-messaġġ li l-votazzjoni postali ta’ Novembru għandha tixpruna sitwazzjoni ‘fejn jiżvolġi l-aktar proċess karatterizzat mill-frodi u li ma jirriflettix il-verità fl-istorja tal-Istati Uniti’.

Hu żied li ċirkustanzi bħal dawn jistgħu ‘iħammru wiċċ l-Istati Uniti mal-kumplament tad-dinja’ waqt li ssuġġerixxa – mingħajr ma preżenta l-provi – li l-mail-in voting ( kif inhu magħruf fl-Istati Uniti) kapaċi jkun ukoll ‘vulnerabbli’ għall-indħil minn barra.

Filwaqt li ftit hemm provi li jissostanzjawlu t-teorija, il-President Trump ilu jilmenta kontra s-sistema tal-votazzjoni bil-posta ( mail-in voting) li jinsisti li hi suxxettibbli għall-frodi.

L-Istati Amerikani jridu jiffaċilitaw il-votazzjoni bil-posta minħabba t-tħassib dwar is-saħħa pubblika relatat mal-pandemija tal-coronavirus.

Aktar kmieni fix-xahar, mas-sitt Stati Amerikani – Kalifornja, Utah, Hawaii, Kolorado, Oregon u Washington – kienu qed jippjanaw li, f’Novembru, jorganizzaw l-elezzjonijiet fejn il-votazzjoni ssir kollha kemm hi bil-posta.