Coronavirus Lokali Saħħa

“Tarmix is-sagrifiċċji li għamlu l-frontliners” – Kamra tal-Ispiżjara

Iżommu lill-Gvern responsabbli; jgħidu li l-aġir u l-egħbusija tar-ras tal-Gvern qed jimminaw ix-xogħol tal-frontliners

Tilwima industrijal oħra mal-Gvern, din id-darba mill-Kamra tal-Ispiżjara b’rabta mal-kwestjoni tal-attiviatjiet tal-massa. Dan hekk kif il-Gvern qed jibqa’ determinat li jħalli dawn l-attiviatjiet għaddejjin.

Fl-istqarrija tagħhom l-ispiżjara qed iwissu lill-Gvern biex ma jarmix is-sagrifiċċji li għamlu l-frontliners s’issa u qed iżżommuh responsabbli għar-riskju li qed ipoġġi fih lill-ispiżjara. Huma qed jirresġistraw din it-tilwima minħabba l-egħbusija tar-ras tal-Gvern li qed ikompli jxejjen għal kollox is-sagrifiċċji tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, inkluż tal-ispiżjara, bl-aġir personali u bil-politika tiegħu.

Huma qed jisħqu li l-pandemija hija kwestjoni Nazzjonali u globali li titlob dixxipplina u azzjoni responsabbli, u qalu li wasal iż-żmien li n-nazzjon sħiħ jingħaqad f’dan.

“Żgur mhux iż-żmien li nilgħabu logħob partiġġjan, u mhux żmien biex niskurjaw punti politiċi. Jeħtieġ li kulħadd jiġbed l-istess ħabel sakemm ikolna vaċċin effettiv. Xi ħaġa li jidher li se jkollna fil-futur mhux daqstant ‘il bogħod” kompliet l-istqarrija.

Ikun biss dakinhar li nkunu verament nistgħu ngħidu li qed ngħixu post-covid.

Madankollu bil-permessi li qed jinħarġu għall-attivitajiet tal-massa, bir-relalmar internazzjonali li qed isir, u b’politiċi jinjoraw għal kollox il-linji gwida mogħtija mill-esperti tas-saħħa, ħadna riskji kbar u ma tgħallimna xejn mis-sagrifiċċji li għamlu ħafna.

Dan qed ipoġġi f’riskju lill-frontliners, fosthom lill-ispiżjara, li baqgħu miftuħin tul il-pandemija, b’sagrifiċċju personali. kbir

Il-Kamra tal-Ispiżjara tfakkar li l-linji gwida u d-direttivi li ħargu f’Marzu li għadda għadhom fis-seħħ u l-pubbliku għandu jimxi u jirrispetta dawn il-linji gwida:

  1. L-ispiżeriji jdaħħlu mhux aktar minn tnejn minn nies f’ħin wieħed
  2. Fl-ispiżeriji, il-pubbliku għandhu jżomm mad-direttivi mogħtija lilu mill-ispiżjara
  3. Dan jinkludi l-ilbies ta’ maskri jew visor, l-użu ta’ hand sanitizer fid-dħul u l-ħruġ, u ż-żamma ta’ żewġ metri distanza bejn persuna u oħra.

L-istqarrija appellat lill-pubbliku sabiex jirrispetta u jimxi ma’ dawn id-direttivi u rringrazzjat lill-ispiżjara kollha tal-impenn u x-xogħol siewi li qed iwettqu.