Coronavirus Lokali Saħħa

Wara t-tilwima industrijali mit-tobba, ordnati direttivi ankè għall-infermiera

Minn nhar it-Tnejn, 3 ta’ Awwissu – l-infermiera fl-isptarijiet madwar Malta u Għawdex ser ikunu qed isegwu direttivi f’azzjoni industrijali fid-dawl taċ-ċirkostanzi li l-pajjiż spiċċa jħabbat wiċċu magħhom fl-aħħar jiem.

Dan ħabbritu l-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel fejn ġie spjegat li l-infermiera huma ordnati sabiex ma jaħslux lill-pazjenti – inkluż fid-djar tal-anzjani – li ma jqandlux lill-pazjenti minn fuq sodda għal siġġu jew viċi versa, kif ukoll sabiex ma jakkumpanjawx lill-pazjenti lejn teatri tal-operazzjonijiet jew sabiex jagħmlu X-Ray.

Ġie spjegat ukoll li l-infermieri fiċ-ċentri tas-saħħa huma ordnati sabiex ma jagħmlux ġibs jew jieħdu t-testijiet tad-demm.

Dan filwaqt li l-fiżjoterapisti li jaħdmu fl-Isptar St.Luke’s ġew ordnati sabiex ma jarawx aktar minn 3 pazjenti wiċċ imb’wiċċ kuljum filwaqt li dawk li jaħdmu fl-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex ma jistgħux jaraw pazjenti ġodda jew jagħmlu l-visti fid-djar tan-nies.

L-MUMN ordnat ukoll lit-tekniċi tal-ECG sabiex ma jagħmlux ECG ordnati mid-dipartiment tal-outpatients jew bejn il-5am u s-7am – filwaqt li saħqet li t-teatri tal-operazzjonijiet li jistgħu jintużaw fl-Isptar Mater Dei huma biss 4 – f’ċirkostanzi ta’ emerġenza. Mill-bqija kull intervent kirurġiku li mhux involut każ ta’ ħajja jew mewt għandu jiġi sospiż jew magħmul mingħajr il-preżenża tal-infermieri.

Dan kollu wara li l-MUMN saħqet li l-Gvern ta’ Robert Abela rrifjuta li jiltaqa’ mal-Unjin sa mill-bidu tat-terminu tiegħu. Fi stqarrija huma saħqu li Robert Abela huwa l-unika Prim Ministru fl-Ewropa li m’għandux ħin biex jiltaqa’ mar-rappreżentanti tal-infermiera. L-MUMN saħqu li dan l-aġir huwa wirja ta’ disprispett u arroganza kbira minn naħa tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru lejn l-infermiera.

Dan filwaqt li l-Unjin saħqet li Robert Abela ma jridx jissospendi l-attivitajiet tal-massa mhux biex isaħħaħ l-ekonomija tal-pajjiż iżda l-but ta’ ftit negozjanti li buthom għal dan il-Gvern, kompliet l-MUMN, huma aktar importanti mis-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.

Intant, l-MUMN sostnew li fl-aħħar jiem jidher ċar li l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli “m’għandhiex idea x’qed tagħmel”. L-Unjin insistiet li preżentament hawn aktar minn 30 infermiera fi kwarantina minħabba d-deċiżjonijiet irresponsabbli meħuda mill-OPM u mill-Ministru Farrugia Portelli.

L-MUMN sostniet li mhux ser tippermeti li jsiru aktar sagrifiċji ġaladarba l-OPM jibqa’ jinjora t-talbiet tagħhom u għaldaqstant qed titlob fost oħrajn li l-allowance tal-Ħdud u l-festi tibqa tingħata lill-infermiera anke waqt li jkunu taħt kwarantina, garanzija ta’ child support fi qbil mal-MUMN ġaladarba jerġa’ jkun hem l-għeluq tal-iskejjel u ċ-child care centres.

L-MUMN qed titlob ukoll garanzija li jiġu kkanċellati l-attivitajiet tal-massa fejn id-distanza soċjali ma tistax tinżamm kif ukoll dawk immirati partikolarment għat-turisti.