Internazzjonali

Belarus: L-attivisti f’Minsk jisfidaw lil Lukashenko fost il-kriżi mar-Russja

L-attivisti li qed jappoġġjaw l-Oppożizzjoni f’dan il-pajjiż irrankaw l-isfida għall-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko, f’sitwazzjoni ta’ tensjoni kbira fil-kapitali Minsk.

Għexieren ta’ eluf ta’ sostenituri tal-Oppożizzjoni, fl-aħħar sigħat, issieħbu f’rally fil-kapitali  fejn sfidaw kampanja li qegħdin imexxu l-investigaturi tal-President Lukashenko u li qed issir dejjem aktar restrittiva.

L-awtoritajiet f’Minsk qed jakkużaw lill-membri ewlenin tal-Oppożizzjoni dwar kollaborazzjoni ma’ ġellieda tar-Russja bil-għan li jiddistabbilizzaw il-Belarus – eks Stat tal-Unjoni Sovjetika antika u li ilu mill-1994 taħt it-tmexxija awtoritarja ta’ Lukashenko, li hu magħruf bħala ‘l-aħħar dittatur tal-Ewropa.’

Il-Belarus, din il-ġimgħa, irrankat ‘sitwazzjoni perikoluża li qed tiżviluppa’ mar-Russja – alleata antika ta’ Minsk – fost akkużi li ‘il fuq minn 200 merċenarju ‘mir-Russja’ infiltraw il-Belarus, ‘huma u jilgħabuha bħala turisti b’missjoni biex iħarbtu l-elezzjoni għall-Presidenza’.

L-istampa tal-Belarus irreferiet ukoll għall-arresti ta’ numru ta’ ġellieda Russi f’dan il-pajjiż. Intant, ir-rapporti dwar il-preżenza ta’ qawwa ta’ merċenarji Russi fil-Belarus ma kenux ikkonfermati minn sorsi indipendenti.