Lokali

“Dak li qal David Casa jikkonferma dak li stqarrejt fl-affidavit” – Adrian Delia

Stqarrija mill-Kap tal-PN

Nilqa’ b’sodisfazzjoni x-xiehda tal-MEP David Casa li qal li m’għandux evidenza ta’ ħlas bejn Yorgen Fenech u l-PN biex hu ma jitlax fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tas-sena li għaddiet.

Din issaħħaħ u tikkonferma dak li diġa’ għidt bl-aktar mod assolut u kategoriku fl-affidavit ikkonfermat bil-ġurament fejn ċħadt l-allegazzjonijiet foloz kollha li saru fil-konfront tiegħi.

Niċċara li David Casa kien baqa’ Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew meta jiena sirt Kap tal-PN fl-2017, u wara r-riżultat tal-elezzjoni tas-sena li għaddiet meta Robert Metsola ġabet 38,206 vot u David Casa ġab 20,493 fl-ewwel għadd kienet ċar id-deċiżjoni tan-nies.

Għaldaqstant għażilt lil Roberta Metsola bħala Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew, għax ħassejt li din kienet l-iktar deċiżjoni ġusta u li tirrifletti r-riżultat tal-proċess demokratiku li l-poplu kien għadu kemm wettaq.

Din hija inkjesta dwar assassinju li heżżeż is-sisien demokratiċi ta’ pajjiżna, inħeġġeġ u nawgura li titħalla timxi bl-aħjar mod possibbli biex toħroġ il-verita’ kollha biex issir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia, l-familja, l-pajjiż kollu u fuq kollox il-verita’.