Ekonomija Lokali

Defiċit nazzjonali ta’ kważi €900 miljun f’sitt xhur

Il-Gvern issa se jkollu għajnuna kbira mill-fondi li ġew allokati mill-UE

Bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, il-finanzi tal-Gvern irreġistraw żbilanċ ta’ €895.6 miljun. Dan kien konfermat minn ċifri li ħarġu llum mill-NSO.

Bla dubju li l-Covid-19 ħalliet l-effetti tagħha fuq dawn ir-riżultati finanzjarji. Għalkemm issa l-Gvern se jkun jista’ jippjana aħjar għax-xhur li ġejjin wara li ġie approvat pakkett qawwi ta’ għajnuna finanzjat mill-UE.

Iċ-ċifri tal-NSO juru li l-Gvern ħa daqqa kbira fid-dħul fejn tidħol l-Income Tax; dan hu rifless tad-daqqa fis-suq tax-xogħol.

Anke fid-dħul mill-ħlasijiet tal-VAT kien hemm tnaqqis – ukoll riżultat ta’ kummerċ li għadu staġnat, minkejja l-isforzi kollha li qed isiru min-nies fl-intrapriżi varji.

Bejn Jannar u Ġunju l-ispejjes tal-Gvern żdiedu bi 17 fil-mija meta mqabbel mal-istess perijodu tal-2019.