Lokali

“Determinat li se nwettaq dak li wegħidtkom” – Adrian Delia

“Mill-bidu nett xammart il-kmiem u ma ċedejtx … ma qtajt qalbi qatt. Issagrifikajt ħafna, u tlift ħafna iżda determinat li se nwettaq dak li wegħidtkom.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia hekk kif il-Ġimgħa beda jitlaqqa’ Kunsill Ġenerali Straordinarju. Huwa qal li dan mhux mument li nbiddlu Kap…. hekk kif ninsabu tant qrib elezzjoni generali.

Adrian Delia qal tliet snin ilu daħal fil-politika bħala persuna minbarra fejn wassal messaġġ biex il-PN imur lura għand in-nies. Sostna li l-bidla qatt m’hi faċli imma rridu nkunu fiduċjui li din se twassalna għal futur aħjar,

Il-Kap tal-PN qal li kien iffaċjat minn gvern kriminali imma qatt ma beża’ minnhom fejn saħansitra daħal il-Qorti biex il-Maltin jingħataw l-isptarijiet tagħhom lura. Saħaq li bħala kap tal-PN wettaqna riforma kbar li jagħtu iktar saħħa liż-żgħir.

Adrian Delia qal li hemm ħafna Nazzjonalisti rrabjati għal dak li qed iseħħ bħalissa fil-PN. Huwa qal li l-mandat li tawh it-tesserati se jwasslu sa tmiemu jekk jerġa’ jkun konfermat għal darb’oħra bħala kap tal-PN.

Adrian Delia temm jgħid m’hemmx Partit Nazzjonalista ta’ klikka jew oħra imma partit wieħed biss… partit u vuċi tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.