Lokali

“Għandna bżonn Partit li jħares ’il quddiem b’qalbu mimlija”

Waqt il-Kunsill Ġenerali Straordinarju tal-PN, f’diskors tiegħu l-President tal-MŻPN, Joseph Grech qal li bla dubju ta’ xejn jinsab diżappunt bis-sitwazzjoni li l-Partit Nazzjonalista għaddej minnha. Madanakollu, hu saħaq li dan il-pass hu meħtieġ li jsir biex pajjiżna jerġa’ jara għaqda assoluta fil-Partit b’kull membru jaħdem id f’id mal-oħrajn.

“Aħna kollha inħobbu lill-Partit Nazzjonalista, u għalhekk qegħdin hawn. Ejja nerġgħu nqabbduh it-triq it-tajba biex ikollna Partit li jixirqilna,” qal Grech. “Partit ħaj u żagħżugħ. Partit li jħares ’il quddiem b’qalbu mimlija. Partit rebbiegħ. Għalhekk jien inħeġġiġkom biex lit-tesserati ntuhom l-għażla vera – dik ta’ elezzjoni ta’ Kap ġdid.”

Hu qal li din mhix triq faċli iżda l-Oppożizzjoni għandha bżonn tissaħħah hekk kif is-sitwazzjoni t’issa qed twassal biss għal theddida kontra l-Partit. Dan filwaqt li sostna li hemm bżonn li jissaħħah leħen iż-żgħażagħ.

Hu spiċċa jgħid li hemm bżonn li tiġi miżruha żerriegħa ta’ tama ġdida għal membri kollha tal-Partit.