Coronavirus Edukazzjoni Lokali Saħħa

Ikompli jikber it-tħassib dwar x’se jiġri meta jiftħu l-iskejjel f’Settembru

Hekk kif dawn l-aħħar jiem kellna żieda konsiderevoli ta’ każi ġodda pożittivi għall-COVID-19, qed ikompli jikber it-tħassib dwar x’se jiġri fit-28 ta’ Settembru meta suppost tibda sena skolastika ġdida.

Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici ħabbar li s-sena skolastika se tiftaħ f’Settembru, iżda ma ta ebda informazzjoni dwar x’se jsir eżatt; hux se tiftaħ bħas-snin preċedenti jew jekk hux se jkun hemm xi tibdil bħala prekawzjoni sabiex jintaqqas it-tixrid ta’ dan il-virus.

Diversi ġenituri li tkellmu magħna qalulna li fl-aħħar jiem irċevew email mill-iskola fejn jattendu uliedhom sabiex jingħatalhom taħriġ online fl-użu tal-Microsoft Teams. Dan it-taħriġ li jsir mill-Ministeru għall-Edukazzjoni permezz tad-Direttorat tal-Litteriżmu Diġitali u l-Ħiliet Transversali, se jingħata kemm lill-ġenituri kif ukoll lill-istudenti u l-edukaturi. Dan kollu jindika li jista’ jkun li l-istudenti jerġa’ jkollhom isegwu l-lezzjonijiet online.

F’dawn l-aħħar jiem kien hemm tħassib kbir fost il-ġenituri li jibagħtu lit-tfal tagħhom Skola Sajf hekk kif kien hemm każi pożittivi relatati mal-iskejjel.