Lokali

Il-Fondazzjoni Kottonera b’donazzjoni għar-restawr tal-kor tal-Kolleġjata ta’ San Lawrenz fil-Birgu

Il-Fondazzjoni Kottonera u l-Parroċċa tal-Birgu iffirmaw ftehim li permezz tiegħu, il-Fondazzjoni se tkun qed tiffinanzja parti mir-restawr tal-pittura tal-kor tal-Kolleġġjata li turi l-Glorja ta’ San Lawrenz.

Il-pittura li hija biċċa xogħol imprezzabbli tal-pittur ċelebri Giuseppe Cali sofriet danni matul is-snin u qegħda f’punt fejn għandha bżon intervent, li se jsir mill-pittur Manwel Farrugia.

Il-ftehim kien iffirmat minn Glenn Bedingfield bħala Chairman tal-Fondazzjoni mal-Arċipriet tal-Birgu Dun Karm Busuttil, fil-preżena tal-Kap Eżekuttiv tal-Kurja Michael Pace Ross quddiem in-Nutar Ian Castaldi Paris.

Iċ-Chairman esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-Fondazzjoni se tgħin fir-restawr ta’ din il-biċċa xogħol importanti fil-Kolleġjata u qal li “aħna nibqgħu impenjati dejjem biex ngħini l-ibliet tagħna jippriservw il-wirt kulturali kbir li għandna fil-Kottonera”. Fakkar li fil-ġimgħat li ġejjin se jitħabbar fond li permezz tiegħu se jkunu mgħejjuna għaqdiet mill-Kottonera biex jirriealizzaw proġetti u inizjattivi li għandhom ippjanati.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Kurja ta’ Malta Michael Pace Ross qal “Nirringrazzja ħafna lill-Fondazzjoni Kottonera ta’ din l-għotja ġeneruża li se tmur biex nirranġaw u nirrestawraw il-kor tal-Knisja Arċipretali u nsewwu x-xogħol ta’ tletin sena ilu li seta’ saraħjar.”