Futbol Sport

Il-Kampjonat Premier skedat li jibda bil-kbir: Floriana v Gżira u Valletta v Birkirkara fl-ewwel ġurnata

(Ritratt: Trevor Sollars)

Il-Kampjonat Premier tal-istaġun 2020/21 hu skedat li jibda bil-kbir hekk kif telgħu l-poloz tal-kampjonati tal-MFA fis-Centenary Hall f’Ta’ Qali. Il-konfronti bejn iċ-champions Floriana u Gżira United kif ukoll Valletta v Birkirkara huma fost l-aktar mistennija mill-ewwel ġurnata.

Jekk dejjem jibda minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19 li kontinwament tiżviluppa, il-Kampjonat Premier hu skedat li jibda fil-11 ta’ Settembru 2020 u jintemm fil-25 ta’ April 2021. Dan ifisser madwar sitt xhur mill-aħħar partita li ntlagħbet f’pajjiżna, hekk kif il-Kampjonat Premier fl-istaġun li għadda waqaf sal-20 ġurnata, b’sitt logħbiet għat-tmiem.

Il-konfront bejn Floriana u Gżira United se jġedded rivalità li nibtet aktar kmieni din is-sena. Wara l-partita bejn iż-żewġ timijiet li ntemmet 2-2 fit-tieni rawnd, iż-żewġ timijiet kienu għamlu protest fuq nuqqas ta’ eliġibbiltà ta’ plejers liema protesti kienu miċħuda t-tnejn. Wara li l-kampjonat waqaf, iż-żewġ timijiet kellhom opinjoni differenti dwar il-kontinwazzjoni tal-kampjonat, b’Floriana jastjenu fil-vot li ttieħed waqt il-Premier League Standing Committee filwaqt li Gżira United ivvutaw favur li l-kampjonat ikompli. Iż-żewġ konfronti tal-istaġun li għadda bejn Floriana u Gżira United intemmu fi draw.

Valletta u Birkirkara se jġeddu r-rivalità ta’ bejniethom f’konfront bejn tnejn li mistennija jissieltu għar-rebħ tal-kampjonat. Iż-żewġ timijiet kellhom pożizzjoni simili meta waqaf il-kampjonat f’Marzu li għadda, hekk kif it-tnejn kienu favur li l-kampjonat jitkompla għalkemm kienu f’minoranza. Dan il-konfront se jara r-ritorn ta’ Jesmond Zerafa bħala kowċ fil-Kampjonat Premier filwaqt li għal darba oħra Andrè Paus se jkun kontra l-eks tim li rebaħ il-kampjonat miegħu fl-2014. Fl-istaġun li għadda, fl-ewwel rawnd il-konfront intemm 2-2 filwaqt li fit-tieni rawnd Birkirkara għelbu lil Valletta 4-1 liema riżultat wassal għat-tneħħija ta’ Darren Abdilla minn kowċ ta’ Valletta.

L-ewwel ġurnata tal-Kampjonat Premier

Ħamrun Spartans v Sirens

Żejtun Corinthians v Santa Lucia

Sliema Wanderers v Hibernians

Lija Athletic v Senglea Athletic

Floriana v Gżira United

Mosta v Gudja United

Tarxien Rainbows v Balzan

Valletta v Birkirkara