Lokali

“In-nies iridu Partit Nazzjonalista mmexxi minn xi ħadd li jistgħu jafdaw”

Mil-lejla u għada, il-Partit Nazzjonalista jista’ jibda jħares ’il quddiem b’qalbu qawwija li fi ftit ġimgħat ikollu Kap ġdid li jispira l-fiduċja tan-nies. Dan hekk kif il-Kunsillieri Ġenerali tal-Partit qed jivvutaw biex jagħtu ċ-ċans lit-tesserati jieħdu sehem f’dan il-proċess demokratiku fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

Hekk qalu fi stqarrija l-maġġoranza tad-deputati tal-Partit Nazzjonalista.

Huma stqarrew li l-proċess li beda xahar ilu diġà qed iħalli l-frott, hekk kif hu evidenti li l-entużjażmu fil-Partit Nazzjonalista reġà beda jinħass, b’bosta nies jagħmlu kuraġġ bit-tama li l-Partit Nazzjonalista jkollu Kap ġdid li jagħti lill-partit sens ta’ dinjità, serjetà, kredibilità u għaqda.

Aħna nemmnu li l-pożizzjoni ta’ Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista m’għadhiex aktar tenibbli, għal ħafna raġunijiet fosthom ewlenin li:
• Ma rnexxilux jgħaqqad lill-elettorat li dejjem ta appoġġ lill-Partit Nazzjonalista u, aktar minn hekk, ma rnexxilux jikkonvinċi lil dawk il-votanti li kienu waqfu jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Partit. Dan huwa kkonfermat mir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali u rifless f’survey wieħed wara l-ieħor li juru li Adrian Delia qed ibati nuqqas kbir ta’ fiduċja mill-elettorat.
• Ħoloq firda kważi irreparabbli fost il-membri u l-attivisti tal-Partit bl-attitudni u bid-deċiżjonijiet tiegħu lejn Deputati u membri oħrajn tal-PN. Dan wassal biex survey reċenti juri li mqar il-Kunsillieri Ġenerali tal-PN, li huma l-qalba tal-Partit, għandhom qtigħ il-qalb kbir għal elezzjoni ġenerali li fiha jkunu mmexxijin minn Adrian Delia.
• Ma rnexxilux iwarrab b’mod konvinċenti n-numru kbir ta’ allegazzjonijiet serji li saru dwaru u li poġġewh fil-pożizzjoni li l-ħin kollu jrid jiddefendi lilu nnifsu. Ħafna drabi l-Partit Nazzjonalista spiċċa jintuża biex jiddefendi sitwazzjonijiet personali tal-Kap tiegħu.

“Aħna m’aħniex lesti nħallu l-Partit jidħol għal elezzjoni ġenerali u mbagħad nippruvaw nagħmlu xi ħaġa wara, meta jkun tard wisq. Għalhekk, il-kuraġġ li beda jinħass fl-aħħar ġimgħat se jkompli jiżdied bil-għan li minn għada filgħaxija jkunu jistgħu jibdew il-preparamenti għall-elezzjoni fost it-tesserati biex jagħżlu Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista”, ittemm tgħid l-istqarrija.