Internazzjonali

Italja: Proċess tal-qorti għal Salvini fil-każ ‘Open Arms’

Is-Senat tal-Italja vvota biex jippermetti l-prosekuzzjoni tal-eks Ministru għall-Intern, Matteo Salvini, talli hu, f’Awwissu li għadda, żamm bastiment mimli bl-immigranti wieqaf għal ġranet sħaħ f’zona ta’ baħar ‘il hinn mill-kosta Taljana.

F’dik is-sitwazzjoni, ‘il fuq minn 100 immigrant kienu spiċċaw ‘iżolati u f’sitwazzjoni ddisprata’ fuq il-bastiment Spanjol Open Arms, li jintuża għas-salvataġġ tal-immigranti li jippruvaw jaqsmu bil-baħar lejn l-Ewropa.

L-immigranti fuq il-vapur kienu damu 19-il jum f’dik is-sitwazzjoni ‘il hinn minn Lampedusa u l-prosekuturi fi Sqallija qegħdin jakkużaw lil Salvini b’każ ta’ detenzjoni illegali – li, bħala reat, kapaċi jirriżulta fi 15-il sena priġunerija.

Matteo Salvini, politiku tal-lemin li jippromwovi politika kontra l-immigrazzjoni, irid anki jgħaddi proċess ieħor fir-rigward ta’ każ simili.

Intant, is-Senat li vvota dwar l-aħħar allegat każ ta’ ‘detenzjoni fuq il-baħar’iddeċieda – b’149 kontra 141 – biex titneħħa l-immunità parlamentari ta’ Salvini; bil-pass iwitti t-triq għall-prosekuzzjoni tal-eks Ministru għall-Intern.

Min-naħa tiegħu, Salvini – illum deputat tal-Oppożizzjoni —  jinsisti li l-Gvern ta’ dak iż-żmien (li hu kien jifforma parti minnu) kien qed jimplimenta politika li evitat l-iżbark ta’ immigranti irregolari fl-Italja.

Salvini  qed jinsisti wkoll li ‘iħossu kburi li seta’ jiddefendi lill-Italja b’dan il-mod u, li kieku jista’, lest jirrepeti l-azzjoni li taħt l-ebda ċirkustanzi ma tista titqies bħala reat’.