Lokali

Konferma kbira tal-bżonn dejjem aktar urġenti ta’ elezzjoni ġdida għal Kap tal-PN

Fi stqarrija maħruġa mill-maġġoranza tal-membri tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ntqal li d-diskors li Adrian Delia għamel fil-Kunsill Ġenerali juri b’qawwa kemm il-Partit Nazzjonalista jeħtieġ ikollu elezzjoni malajr biex jintgħażel Kap ġdid.

Huma qalu li f’dan id-diskors, Adrian Delia rrepeta biss dak li ilu jgħid għal snin sħaħ. “Wera ċar, b’hekk, li se jkompli jwebbes rasu u mhu se jibdel xejn mit-triq li wasslet għal riżultati dejjem jeħżienu għalih innifsu u għall-Partit.”

Il-Kap tal-PN, qalu d-deputati, kompla jattakka lil dawk li ġenwinament jixtiequ jaraw lill-PN imur aħjar.

Fl-istqarrija qalu li Adrian Delia pprova saħansitra jieħu l-mertu waħdu ta’ ħafna xogħol li sar mill-Oppożizzjoni kollha, fosthom l-emendi kostituzzjonali li huma r-riżultat tan-negozjati qawwijin li għamlu għadd ta’ Deputati tal-Oppożizzjoni b’suċċess.

“Adrian Delia ma indirizzax l-allegazzjonijiet serji li saru dwaru. Anzi, ipprova jgħawweġ dak li ntqal illum fil-Qorti dwar rabtiet suspettużi ma’ Yorgen Fenech. Dan kollu juri xi bżonn kbir hemm ta’ elezzjoni ta’ Kap tal-PN, elezzjoni li tkabbar entużjażmu ġdid u li fiha jintgħażel Kap li jkun kapaċi jgħaqqad il-Partit li nħobbu lkoll u jikkonvinċi lill-elettorat.”