Internazzjonali

L-ewwel mewta mill-Covid-19 fil-Vjetnam

Il-Vjetnam ikkonferma l-ewwel mewta (f’artu) dovuta għal infezzjoni bil-coronavirus ġdid u li qed titqies ukoll bħala ‘daqqa devastanti’ għall-pajjiż li sa ftit ilu kien kburi bil-fatt li ma rreġistra l-ebda vittmi tal-Covid-19 fuq livell lokali.

Il-persuna li mietet kienet identifikata bħala raġel ta’ 70 sena, li kien residenti fil-belt ta’ Hoi An.

Il-Vjetnam kien ilu ma jirrapporta infezzjoni waħda bil-Covid-19 għal aktar minn tliet xhur u qabel, kmieni din il-ġimgħa, feġġet inċidenza tal-virus fir-resort popolari ta’ Da Nang.

Dan il-pajjiż, li għandu popolazzjoni ta’ madwar 95 miljun, irrapporta biss 509 każi tal-coronavirus mill-bidu tal-pandemija ‘il hawn.

Il-Vjetnam, kuntrarju għal ħafna pajjiżi oħra, kien ħa azzjoni sa minn qabel feġġ l-ewwel każ tal-Covid-19 f’artu u fejn, fost oħrajn, għalaq minnufih il-fruntieri għal kulmin xtaq li jivvjaġġa lejn it-territorju tiegħu. Sadanittant, l-awtoritajiet f’Hanoi u l-provinċji tal-Vjetnam aċċettaw biss iċ-ċittadini li kienu qed jirritornaw lejn arthom minn barra l-pajjiż.

Intant, din il-ġimgħa sar magħruf li nstabu każi ġodda tal-Covid-19 fir-resort ta’ Da Nang u fi żmien meta l-inħawi kienu mimlijin b’għexieren ta’ eluf ta’ turisti minn madwar il-pajjiż. Dawn it-turisti kienu ħasbu li t-theddida tal-virus kienet ‘għaddiet’, bil-Gvern Vjetnamit issa jordna lockdown totali tal-belt ta’ Da Nang.

Il-Prim Ministru tal-Vjetnam, Nguyen Xuan Phuc, wissa li kull provinċja u belt fil-pajjiż għandha tieħu passi ‘aktar malajr u drastiċi’ biex jikkontrollaw l-inċidenza ġdida tal-mard.