Lokali

Mara ta’ 63 fil-periklu tal-mewt wara ħruq fir-residenza tagħha f’Raħal Ġdid

Mara ta’ 63 sena tinsab rikoverata l-isptar Mater Dei wara li dal-lejl ġarrbet ġrieħi kkawżati minn nirien li ħakmu r-residenza tagħha. Il-vittma hi Marthese Pollacco; persuna involuta sew fil-komunità lokali, u li tgħix weħidha (ritratt).

Kien għall-ħabta tat-3.10am meta l-Pulizija kienet infurmata li persuna kellha bżonn l-assistenza tagħha wara li ġew innutati nirien f’residenza fi Triq Ninu Cremona f’Raħal Ġdid.

Huma marru fil-post flimkien ma’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li ħadmu biex ikkontrollaw in-nar filwaqt li ambulanza ħadet lil mara l-isptar Mater Dei għal aktar kura.

Aktar tard hija ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi serji u tinsab fil-periklu tal-mewt.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

Il-Pulizija tad-Distrett għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.