Lokali Qorti

“M’għandix provi ta’ ħlas minn Yorgen Fenech lill-PN biex ma nitlax” – David Casa

Ritratt: Jonathan Borg

David Casa, l-membru parlamentari ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista qal li kemm ilu jiġġieled il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li qed jara kif ix-xogħol ta’ Daphne Caruana Galizia jibqa’ għaddej ħlief theddid ma ffaċċax. Dan it-theddid ġej minn ħafna fosthom theddid mill-avukati ta’ Keith Schembri, Manwel Mallia u l-FIAU legalment, saħansitra li jiġi arrestat.

Mhux biss qal li ffaċċa theddid u tant kemm kienet u għada gravi s-sitwazzjoni li jibża’ jimxi waħdu fit-triq, l-aktar f’Malta. Kif David Casa beda jixhed l-Imħallef Michael Mallia rringrazzja lil David Casa li bagħat informazzjoni lill-Bord ta’ Inkjesta li hija utli għax-xogħol tal-Inkjesta.

Din l-informazzjoni tikkonsisti f’Dossier li d-Deputat Parlamentari Ewropew li qal li kellu d-dmir u d-dover li jagħmel u għalhekk jeżerċità pressjoni fuq dak kollu li ġara.

Casa fil-konklużjoni tad-Dossier li ppreżenta qal li l-akbar biża tiegħu hu li jgħaddi minn dak li għaddiet minnu Daphne Caruana Galizia u li din il-biża żdiedet wara li sar magħruf li l-allegat persuna wara l-qtil tagħha allegatament ried jeħles minnu mill-Parlament Ewropew u li offru l-flus biex ma jiġix elett.

Tenna li kemm ilu jagħfas fuq dawn is-suġġetti ta’ korruzzjoni enormi, t-theddid kontrih żdied. Semma’ t-theddid fuq facebook u twitter, inkluż każ li spiċċa l-Qorti ta’ persuna li heddu li ried jgħallqu.

Attakki fuq deputati f’Malta u fl-Ewropa

Semma kif ‘hate groups’ u ‘posts’ kuljum fi gruppi organiżżati u mmexxija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Qal li ġew attakkati deputati kemm f’Malta kif ukoll fl-Ewropa u semma lill-membru parlamentari ewropea, Ana Gomes, talli tkellmu fuq suġġetti li kien qed jitkellem dwarhom hu.

Huwa qal li huwa ċar ukoll li Yorgen Fenech, li ddeskrivih bħala l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ħass li l-ħidma tiegħu kienet qed taffettwa l-interessi tiegħu, u hemm ukoll allegazzjonijiet li ġew offruti 50,000 ewro biex jiġi aċċertat li hu ma jiġix elett u jiġi diskreditat. Qal li uża metodi biex jagħlaq ħalq Daphne, u ried ukoll jagħlaqlu ħalqu.

Minkejja kollox, Casa qal li sal-ġurnata tal-lum, Konrad Mizzi għadu jiġri barra, l-istess Kieth Schembri u bħalhom Joseph Muscat. “Kull min kien involut u kien fil-kurituri tal-poter, għadu kollox ‘business as usual'”.

Casa fakkar li l-fatt li rreżenjaw mill-irwol tagħhom ma jfisser xejn. Qal li riżenja ma tħassarx dak kollu li tkun għamilt. Il-ġustizzja trid issir xorta. “Nistennew lill-Kummissarju l-ġdid ma jagħmilx bħal ta’ qablu u jieħu azzjoni konkreta,” qal ix-xhud.

Qal li ma kienx waħdu li għamel dan ix-xogħol mill-gruppi kollha u mid-deputati tal-partiti kollha fil-Parlament Ewropew. Kien ilu snin jitkellem fuq il-kumpanija 17 Black li issue ewlenija u marbuta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Qal ukoll li meta kien preżenta rapport li sar mill-FIAU, ġie mhedded mill-avukati ta’ Keith Schembri u dan permezz ukoll ta’ ittri u kellu wkoll theddid minn nies fuq facebook u mar il-Qorti dwar dan.

Dwar l-Avukati ta’ Keith Schembri heddew li jfittxuh għad-danni u talbuh ineħħi l-immunità tiegħu u li hu kien qed jipprova jagħmel frame up fuq Pilatus Bank.

Qal li darba l-Kummissarju tal-Pulizija għamillu offertà li kien lest li jagħlaq l-għassa tal-Gżira fejn joqgħod hu biex ikollu protezzzjoni. Dan seħħ ftit wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew is-sena l-oħra. Qal li ma kienx aċċetta, għax wara kollox hu jqatta’ u qiegħed iqatta’ ħafna aktar ħin fi Brussel fejn iħossu aktar safe.

L-MEP qal li fuq din l-offerta ma riedx iċaħħad lir-residenti Gżirjani milli jkollhom għassa miftuħa 24 siegħa kuljum, allura m’aċċettax l-offerta. Qal li fuq facebook jgħaddulu kummenti bħal li għandu jiġi eliminat jew saħansitra jiġi mgħallaq. Meta jkun għaddej mit-triq jiffaċċa ħafna ħars ikraħ.

Qal li għalih Daphne Caruana Galizia kienet l-aqwa ġurnalista f’Malta u waħda mill-aqwa fl-Ewropa. Jiddispjaċih li waqt kampanja elettorali għadu dispjaċut sal-lum li ma kinitx ingħatat protezzjoni biżżejjed.

Huwa kien mhedded kemm il-darba u qal li llum ħareġ ukoll li Yorgen Fenech ipprova jagħmel minn kollox biex hu ma jitlax fil-Parlament. Semma lil diversi whistle blower u anke ġurnalisti li għalihom il-ħajja mhux faċli u li dawn għandhom jiġu protetti.

Jibża’ jimxi waħdu fit-triq

Qal li b’mod speċjali qed jibża’ jimxi waħdu fit-triq u anke mhux qed isuq il-karozza. kompla jgħid li dan huwa pajjiż ta’ impunità fejn ma sar xejn fil-konfront tal-eks Prim Ministru u xi Ministru. Huwa talab għall-protezzjoni tal-Pulizija wara li kien qed jiġi mhedded minn Manwel Mallia u minn oħrajn.

Casa jgħid li minkejja li mhux parti mill-Korp tal-Pulizija, bħala MEP, ħass id-dover li jinvestiga. Qal li ma jħossux sigur meta jkun barra mill-uffiċċju, anke barra minn Malta.

L-MEP semma r-rapport tal-FIAU li hu kien irċieva iżda ma kienx ippubblika għax il-liġi ma ppermettitlux li jagħmel dan dak iż-żmien. Saħaq li ermezz tar-rapport tal-FIAU jista’ jinftiehem li kien hemm rabta bejn Noor Bank u l-proġett tal-windfarms f’Montenegro.

L-Avukat Therese Comodini Cachia staqsiet lil David Casa biex jispjega dettalji fuq il-konnessjonijiet bejn Keith Schembri u Konrad Mizzi kif ġie rrappurtat fir-rapport tal-FIAU.

Casa wieġeb billi qal li ngħata r-rapport mingħand uffiċjali fl-FIAU li ħassew li l-Pulizija ma kinitx qed tinvestiga kif suppost fir-rigward tal-ħasil tal-flus u tal-Bank Pilatus.

Huwa qal li ddejjqu l-kelma traditur u dan għax qed jagħmel xogħolu, u li xogħolu se jibqa’ jagħmlu, imma jixtieq li dwar dan ikollu l-għajnuna tal-Pulizija u l-Ġudikatura.

L-MEP qal ukoll li Ali Sadr, sid il-Bank Pilatus, għandu jiġie estradit lejn Malta biex jaffaċċja akkużi kriminali minħabba ħasil tal-flus. Saħaq li hu jinteressah biss il-verità li għandha toħroġ u kulħadd jieħu li ħaqqu.

Kompla jgħid li li l-awtoritajiet m’għandhomx jinsew li Nexia BT kienet qed tirrappreżenta lil Mossack Fonseca. Dawn iż-żewġ kumpaniji kienu dawk li fetħu kumpaniji sigrieti għal persuni fil-politika fi ħdan il-Gvern Malti.

Huwa semma x-xeni li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat meta beda jibki għax ġie eżonerat minn kollox. Qal li dak inhar Muscat kien qed jigdeb. Casa qal li hu u jagħmel xogħlu, ħass li l-awtoritajiet Maltin kienu qegħdin itellfuh minflok jagħtuh palata.

Kellhom jittieħdu passi kontra Konrad Mizzi

Kompla jgħid li l-Gvern Malti ddeskrivih bħala traditur filwaqt li spjega li bħala MEP jixtieq jirrappreżenta u jiddefendi l-interessi tal-Maltin kollha. Dwar ir-rapport tal-FIAU u 17 Black, Casa qal li fl-2017 huwa ngħata rapport tal-FIAU li kkonkludu bl-aktar mod ċar li l-Pulizija kellhom jieħdu passi kontra Kontrad Mizzi.

Dan ir-rapport kien wieħed dettaljat fuq il-konnessjonijiet bejn 17 Black, Keith Schembri u Konrad Mizzi, l-operat ta’ Pilatus Bank u Nexia BT, il-pagamenti bejn in-nies involutu fil-power station u 17 Black u dettalji dwar il-korruzzjoni fid-deal tal-wind farm tal-Montenegro

F’dan ir-rapport Casa tkellem ukoll dwar pagament mistenni ta’ miljun ewro lil Cheng Chen, il-persuna li nnegozja l-bejgħ tal-Enemalta lil Shangai Electric, u li fuq dan il-każ bqajna ma smajna xejn u donnu ntesa. Qal li tajeb li nsaru nafu x’sar minn dan il-każ.

Casa qal li meta rċieva dan ir-rapport ried jippubblikah mill-ewwel għax ħass li n-nies għandhom id-dritt ikunu jafu. Imma kif qal aktar qabel il-liġi ma tippermettilux, u dan biex ma jtellifx xi nvestigazzjoni li kienu għaddejja.

Qal li ma ndunax dak iż-żmien hu kemm kienu ta’ mportanza kbira id-dettalji tal-kont bankarju ta’ Dubaj ta’ 17 Black. Qal li eventwalment huwa ppubblika dan ir-rapport, ftit wara li ħarġu ftit paġni mill-konklużjonijiet tal-Inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar l-Egrant.

Qal u dan jinsab dettaljat fid-dossier li ppreżenta lill-Bord innota li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien għamel ħiltu f’dak ir-rapport biex jipproteġi persuni fil-Gvern, u għalhekk ma setax jibqa’ ċass u ma jagħmel xejn. Tenna li mar bir-rapport il-Qorti għax hija l-unika istituzzjoni li huwa seta’ jafda.

Tenna li sa dan iż-żmien, ċertu nvestigazzjonijiet kienu pprogressaw, u ħass li għalhekk iżjed u iżjed seta’ jippublika dan ir-rapport, minkejja t-theddida li kellu li jiġi arrestat.

“Niftakar li kemm Manwel Mallia kif ukoll l-FIAU kienu heddewh b’passi legali u theddida ta’ arrest jekk huwa jippubblika dan ir-rapport skandaluż. L-FIAU għamlu minn kollox biex jisskreditaw ir-rapport. Il-Ministru Edward Scicluna qal li dan kien rapport “written to be leaked” u anke waħħal fija għall-problem atar-reputazzjoni ħażina ta’ pajjiża minn aspett finanzjarju”, qal Casa.

Ix-xhud qal li anke Pilatus Bank, bl-avukati ta’ Keith Schembri, heddewh li kienu se jfittxuh għad-danni. Kienu qalulu biex ineħħi l-immunità biex ifittxuh, u anke akkużawh li kien parti ntegrali minn nies li jippruvaw jagħmlu frame up fuqhom. Qal li minkejja kollox, dan ir-rapport ippubblikah.

Casa qal ukoll li kien kiteb lill-Avukat Ġenerali tal-Emirati Għarab Magħquda b’konnessjoni mal-kumpanija 17 Black u li għadu qed jistenna lill-awtoritajiet ta’ Dubaj biex jipprovdu lill-awtoritajiet Maltin b’informazzjoni fuq 17 Black.

Kompla jgħid li ma jemminx lid-Deputat Kummissarju Ian Abdilla li qal quddiem l-istess inkjesta li l-Emirati Għarab Magħquda ma kkoperawx. Tenna li huwa għamel kuntatt mal-Ambaxxatur tal-Emirati Għarab Magħquda għall-Ewropa biex jikkonferma li l-awtoritajiet mhumiex jikkoperaw.

17 Black, Dubaj u l-Power Station

Tenna li kien ovvju mill-bidu nett li 17 Black kellha x’taqsam mal-power station. Mill-ewwel sar magħruf li ċ-ċavetta ta’ kollox kienet id-Dubaj, fejn twaqqfet il-kumpanija 17 Black u din l-istess kumpanija kellha kont bankarju f’Noor Bank.

Kien hemm evidenza fuq dak kollu ppubblika bħal pagamenti mill-Aċerbajġan u pagamenti mill-aġent tal-LNG tanker – Mario Pullicino. Qal li mhemmx għalfejn tkun espert biex tinduna li dawn kienu kickbacks.

Inqatlet għax kixfet wisq

Kompla jgħid li Daphne inqatlet għax kixfet wisq u probabbli kellha iżjed x’tikxef fuq 17 Black u f’kull jaż li fiha kienet involuta din il-kumpanija. Daphne was starting to get close, u riedu jagħlqulha ħalqha.

Qal minkejja l-ħafna referenzi li għamel ma ttieħdu l-ebda passi u minn aspett Ewropew, għamilha ċara li pajjiżi terzi li ma jikkoperawx ma’ pajjiżi Ewropej fuq investigazzjonijiet bħal dawn – speċjalment li jinvolvu wkol, qtil, għandhom jiġu black listes u jkollhom konsegwenzi serji. Dwar dan qal li kellu l-appoġġ ta’ diversi deputati tal-Parlament Ewropew.

L-MEP qal ukoll li beħsiebu jibqa’ jaħdem biex jistabbilixxi FIAU Ewropea u tenna li l-Ambaxxatur infurmah li l-Emirati Għarab Magħquda jridu jikkoperaw għax ma jridux jidhru li huma involuti fil-qtil ta’ ġurnalista Ewropea. Ftit wara x-xhieda ta’ Casa kompliet tinstema’ bil-magħluq.

Huwa semma’ wkoll l-fatt li minkejja l-esperjenza kollha tiegħu saret kampanja kontrih biex jekk jista’ jkun ma jitlax fl-elezzjoni għall-membru tal-parlament Ewropew.

Nexia BT

Nexia BT huwa eżempju ieħor ċar ta’ dak kollu li huwa ħażin f’pajjiżna, sitwazzjoni li ħaġa tal-iskantament għada għaddejja sal-lum il-ġurnata. Nexia BT kienu jirrapreħentaw il-famużi Mossack Fonseca, waqqfu kull entità ta’ ħasil ta’ flus għal nies fil-Gvern, u għadhom joperaw bla problema ta’ xejn sal-lum. Bla ebda konsegwenza.

David Casa tenna li kemm fi żmien l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll issa taħt Robert Abela, Nexia BT jaħdmu qiesu xejn mhu xejn. “Kif nistgħu mmorru ‘l quddiem u ngħidu li tgħħlimna xi lezzjoni u mmorru quddiem il-MoneyVal jew il-Venice Commission u nikkonvinċuhom li kollox sar sew, meta l-kumpanija fiċ-ċentru ta’ dan il-ħasil ta’ flus kollu għada topera bla xkiel.

“Kif jistgħu jeħduna bis-serjetà jekk lanqas l-attur prinċipali li ffaċilità sdan kollu ma tressaq biex jiffaċċa l-ġustizzja?” qal ix-xhud, li sostna li hu kiteb lil Accountancy Board of Malta diversi drabi. Nexia BT issemmiet ukoll f’diversi reżoluzzjonijiet dwar ħasil ta’ flus fil-Parlament Ewropew, anke fil-kumitat PANA li kien jagħmel parti minnhom hu.

Qal li Karl Cini huwa wkoll membru tal-ACCA, u staqsiehom biex jinvestigawh u sa issa ma għandu l-ebda nformazzjoni jekk ittieħdux passi jew le.

Casa qal li m’għandux provi fuq ħlasijiet li saru bejn il-Partit Nazzjonalista u Yorgen Fenech biex hu ma jerġax jitla’ bħala Membru Parlamentari Ewropew fl-elezzjoni tal-2019, imma dan jemmen li sar. U dan għax xogħolu kien u għadu li jirrita lil Yorgen Fenech.

L-għan tal-inkjesta hu biex tiddetermina jekk setgħux isiru aktar affarijiet jew jittieħdu aktar passi mill-awtoritajiet sabiex l-assissinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ma kienx iseħħ.

Is-smigħ qed isir quddiem l-Imħallef Michael Mallia li qed imexxi din l-inkjesta, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.

L-inkjesta fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għandha tkompli nhar l-Erbgħa 12 ta’ Awwissu meta għandu jixhed il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna. Għall-familjari ta’ Caruana Galizia qegħdin jidhru l-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia.