Internazzjonali

Mill-inqas 17 inqatlu b’karozza bomba fl-Afganistan

Fl-aħħar sigħat, mill-inqas 17-il persuna nqatlek fl-Afganistan b’karozza bomba fil-provinċja ta’ Logar.

L-isplużjoni waslet lejliet il-waqfien mill-ġlied iddikjarat mit-Talibani waqt il-festival tal-Eid. It-Talibani ċaħdu r-responsabbiltà għall-attakk, filwaqt li l-Istat Iżlamiku għadu ma kkummentax.

Kelliema għall-gvernatur ta’ Logar saħaq li l-attakk hu maħsub li sar minn suicide bomber. L-isplużjoni seħħet ħdejn l-uffiċċju tal-gvernatur u fejn dak il-ħin, ħafna nies kienu qed jattentu għall-festival.

Il-gvernijiet tat-Taliban u l-Afganistan qablu għal waqfien mill-ġlied għal tlett ijiem, ftehim li beda l-Ġimgħa. Hemm tama ta’ waqfien permanenti iżda t-taħdidiet ta’ paċi ġew ittardjati minħabba skambji ta’ priġunieri. Sar ftehim biex il-gvern jeħles 5,000 priġunier Taliban bi skambju għal 1,000 ħaddiem tas-sigurtà tiegħu.

Il-gvern Afgan ħeles aktar minn 4,400 priġunier tat-Taliban, filwaqt li kelliem għall-ribelli qal li total ta’ 1,005 priġunieri tal-gvern issa ġew liberati.