Futbol Sport

Napoli jħabbru l-akkwist ta’ Victor Osimhen

(Ritratt: EPA)

Napoli ħabbru l-akkwist tal-attakkant Niġerjan Victor Osimhen mingħand Lille għas-somma ta’ €70 miljun flimkien ma’ xi bonus. L-internazzjonali Niġerjan ta’ 21 sena ffirma kuntratt ta’ ħames snin. Fl-istaġun li għadda, Osimhen skorja 18-il gowl fil-kompetizzjonijiet kollha, b’Lille jispiċċaw ir-raba’ f’Ligue 1 li ma tkompliex minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Osimhen kien għamel id-debutt fl-2017 ma’ Wolfsburg fil-Bundesliga u wara żewġ staġuni kif ingħaqad mal-klabb Belġjan Charleroi fejn skorja 20 gowl. Mat-tim nazzjonali Niġerjan skorja erba’ gowls fi tmien logħbiet. Fl-2015 rebaħ it-Tazza tad-Dinja ta’ taħt is-17-il sena u spiċċa bħala l-aqwa skorer b’10 gowls.