Futbol Sport

Rebħiet konvinċenti għal Sliema u Exiles

(Ritratt: Martin Agius)
Sliema b'punti massimi fi Grupp B

Stewart Said

Ebda diffikultà għal Sliema Frank Salt u Exiles Ferretti biex kisbu t-tliet punti f’logħbiet li kienu mistennija li joħorġu rebbieħa. Sliema ġabu fix-xejn lil Valletta IZIBET fejn komplew jikkonfermaw il-potenzjal tagħhom f’dan l-istaġun. Is-Slimiżi qatt ma dehru li setgħu jfallu milli jirbħu l-logħba u permezz ta’ Jerome Gabarretta, Liam Galea, Nicholas Bugelli u Zach Mizzi fetħu vantaġġ meritat ta’ erba’ gowls.

Valletta kienu statiċi wisq fil-logħob tagħhom u qatt ma dehru li setgħu jaħsdu lil Sliema b’xi rimonta, bin-nuqqas ta’ Niki Lanzon ma jgħinx lit-tim biex iżomm ftit il-livell mal-avversarji. Sliema daħlu jistrieħu 10-1 minn fuq, bis-centre Jerome Gabarretta jiskorja tlieta mis-sitt gowls f’din is-sessjoni. Il-logħba naqqset mir-ritmu tagħha, bil-kowċ Sergio Afric jagħmel aktar rotazzjoni fit-tim Slimiż.

Valletta rnexxielhom jirbħu t-tielet sessjoni biex ipposponew id-distakk milli jkompli jikber u qasmu l-logħba mal-avversarji fl-aħħar sessjoni, b’Sliema xorta jirbħu l-aħħar tmien minuti u temmew b’rebħa aktar milli komda ta’ 14-6.

Exiles għelbu lil Otters Nivea 17-5 bix-xellugi Mark Fenech protagonist b’ħames gowls. Gowls ta’ Fenech, Kurt Griscti u Jake Bajada fl-ewwel sessjoni taw vantaġġ komdu lil Exiles li setgħu jikkontrollaw il-logħba mingħajr problemi. Id-differenza bejn iż-żewġ timijiet hi evidenti, b’Otters iħallu d-distakk darbtejn għal tliet gowls sakemm Fenech u Griscti daħħlu lit-tim ta’ Igor Vukanovic jistrieħu 7-2.

It-tielet sessjoni kienet identika għall-ewwel perjodu hekk kif Exiles skorjaw erba’ gowls mingħajr risposta permezz ta’ Sean Xerri de Caro, Nicky Paris, Mark Fenech u Jake Bajada. Bil-partita kienet diġà tilfet l-interess, Exiles komplew jiddominaw u finalment ħarġu rebbieħa b’distakk kbir ta’ 12-il gowl.

OTTERS NIVEA…………….. 5

EXILES FERRETTI……….. 17

(0-3), (2-4), (0-4), (3-6)

Otters: M. Xerri, M. Lanzon (1), R. Caruana, A. Dimech, E. Meli (4), G. Vella, K. Scicluna, M. Farrugia, D. Dimech, D. Zahra, D. Tully, S. Xerri, D. Spiteri, M. Caruana Baluci

Exiles: M. Castillo, J. Bajada (3), A. Magri, P. Paris, T. Sullivan, S. Xerri de Caro (2), M. Fenech (5), K. Griscti (2), N. Paris (2), A. Cousin (1), S. Apap (2), D. Fenech, I. Schembri

Referees: Peter Balzan, Alessandro Chimenti

SLIEMA FRANK SALT….. 14

VALLETTA IZIBET………… 6

(4-0), (6-1), (1-3), (3-2)

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (5), L. Galea (1), J. Sciberras, M. Meli, B. Cachia, M. Spiteri Staines (1), J. Cutajar, J. Brownrigg (3), J. Gambin (1), Z. Mizzi (1), N. Bugelli (2), A. Teuma, C. Cutajar, E. Schembri

Valletta: R. Sciortino, P. Borg (1), E. Aquilina, M. Stellini (2), A. Agius (1), R. Mock, D. Paolella, A. Bianchi (1), N. Farrugia, M. Zammit, K. Galea (1), N. Lanzon, T. Micallef

Referees: Mirko Schiavo, Mario Dalli