Internazzjonali

Stati Uniti: Ir-Repubblikani jinsistu li Trump ma jistax jipposponi l-elezzjoni ta’ Novembru

Żewġ uffiċjali għoljin mal-Partit Repubblikan fil-Gvern ċaħdu s-suġġeriment tal-President Amerikan Donald Trump biex l-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza tal-Istati Uniti tkun posposta għal data oħra minħabba ‘tħassib dwar il-potenzjal ta’ frodi elettorali’.

Il-Kap tal-Maġġoranza fis-Senat, Mitch McConnell u u l-Kap tal-Minoranza fil-Kamra tar-Rappreżentanti, Kevin McCarthy, it-tnejn warrbu għal din il-possibbiltà, meta Trump ma għandu l-ebda awtorità biex jipposponi l-elezzjoni. Dan meta kwalunkwe dawmien għall-proċess inkwistjoni jrid bilfors ikun approvat mill-Kungress ta’ Washington.

Aktar qabel, Donald Trump qal li ż-żieda fil-proċess li jippermetti għall-votazzjoni kapaċi tgwassal għall-frodi u riżultati ‘li ma jirriflettux il-verità taċ-ċirkustanzi’. Hu issuġġerixxa li d-data tal-elezzjoni tkun posposta ‘għaż-żmien meta l-Amerikani jkunu jistgħu jivvutaw fis-sigurtà, f’sitwazzjoni xierqa’.

Filwaqt li ftit hemm provi li jistgħu jissostanzjalwu l-allegazzjonijiet dwar ‘frodi potenzjali’, il-President Amerikan kien ilu jilmenta kontra s-sistema li tippermetti biex in-nies jgħaddu l-vot bil-posta u li, skont hu, ‘tibqa’ suxxettibbli għall-abbuż’.

L-awtoritajiet ta’ diversi Stati Amerikani jridu jiffaċilitaw l-hekk-imsejjaħ mail-in voting minħabba t-tħassib dwar is-saħħa pubblika f’dawn iż-żmenijiet tal-coronavirus.

Is-suġġeriment għall-‘posponiment’ min-naħa ta’ Trump kien ikkonfermat fl-istess żmien ta’ statistika ġdida li turi li l-ekonomija tal-Istati Uniti ħadet l-akbar daqqa ‘l isfel mill-era tad-Dipressjoni tas-snin tletin.

Intant, is-Senatur McConnell għamilha ċara li l-ebda l-elezzjoni għall-Presidenza ma qatt ġiet posposta fiż-żmien kollu li ilhom jinżammu fl-Istati Uniti.

Hu sostna li l-gwerer – inkluża l-Gwerra Ċivili Amerikana – u żmenijiet diffiċli oħra li għadda minnu l-pajjiż tul is-snin ma kellhom l-ebda effett fuq id-data tal-elezzjoni. Dan waqt li McConnell enfasizza li ‘l-Amerikani se jerġgħu jżommu l-appuntament li jmiss (biex jivvutaw) fit-3 ta’ Novembru li ġej’.

Kevin McCarthy ukoll saħaq li l-Istati Uniti ma falliet qatt l-appuntament mal-vot fir-rigward tal-elezzjonijiet federali u ma jarax għalfejn il-pajjiż għandu jżomm lura mill-proċess ta’ Novembru.

Min-naħa tiegħu, Mike Pompeo, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, ma riedx jikkommetti ruħu jew jesprimi opinjoni dwar is-suġġeriment ta’ Trump biex l-elezzjoni tkun posposta.

Id-data tal-elezzjoni presidenzjali, skont il-liġi tal-Istati Uniti, trid issir fl-ewwel jum tat-Tlieta li tiġi wara l-ewwel ġurnata tat-Tnejn, fix-xahar ta’ Novembru.

Kwalunkwe bidla fid-data tkun teħtieġ l-approvazzjoni taż-żewġt ikmamar tal-Kungress – f’dan il-każ, il-Kamra tar-Rappreżentanti u s-Senat. Id-Demokratiċi jikkontrollaw il-Kamra tar-Rappreżentanti, b’uħud diġà qed jagħmulha ċara li mgħandhomx jappoġġjaw kwalunkwe dawmien għall-vot.

Sadanittant, kull inizjattiva tal-Kungress biex l-elezzjoni  Presidenzjali tkun posposta sal-2021 għandha teħtieġ, anki, emenda kostituzzjonali.