Lokali Qorti

Stqarrija mill-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa

Dalgħodu tajt ix-xhieda tiegħi quddiem l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Tajt spjega tal-ħidma tiegħi kemm dwar l-iskandli ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus li kienet bdiet tinvestiga hi, kif ukoll dwar l-investigazzjoni fil-qtil innifsu.

Fost l-oħrajn ġejt mistoqsi fuq il-fatt li saret pressjoni kbira biex jien ma niġix elett fl-elezzjoni tal-2019, u b’hekk ikolli nwaqqaf il-ħidma tiegħi kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus.

Hemm allegazzjoni li tħallsu €50,000 lil Adrian Delia minn Yorgen Fenech biex jien ma niġix elett. Allegazzjoni li saret minn nies viċin Yorgen Fenech, u li saret minn 3 individwi differenti.

Jien qatt m’għamilt din l-allegazzjoni għax il-provi mhumiex qegħdin għandi, kif spjegajt dalgħodu. Pero’ minkejja li l-provi mhumiex għandi, ma jfissirx li l-att ma sarx. Jekk ħalliel jidħol f’dari u jisraq l-affarijiet, u jien ma nkunx rajtu, ma jfissirx li s-serqa ma saritx.

Ta’ min inżid li jien komplejt nagħti x-xhieda tiegħi dalgħodu fil-magħluq, waqt li l-ġimgħa li għaddiet mort ukoll quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke u tajt ix-xhieda tiegħi dwar dan. Din l-inkjesta għadha ma ġietx fi tmiemha.

U dan hu messaġġ lil kull min jaħseb li jista’ jagħlaqli ħalqi: tagħmlu x’tagħmlu u tikkonfoffaw kemm tikkonfoffaw, il-ħidma tiegħi kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus se tibqa’. Għax jien il-lealtà tiegħi hi lejn pajjiżi.